Tracksuit jew uniformi għall-iskola?

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jibda konsultazzjoni fuq l-uniformi tal-iskejjel. Fi stqarrija, il-Ministeru spjega li l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni se ssir fost l-istudenti fl-iskejjel medji u sekondarji.

Huma se jkunu qed jagħtu l-opinjoni tagħhom permezz ta’ link, sabiex jgħidu jekk humiex favur l-uniformi kif inhi bħalissa jew tracksuit tal-iskola kkomda u sportiva bħala uniformi mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Il-konsultazzjoni fost l-istudenti se tiftaħ il-Ġimgħa l-1 ta’ Frar u tgħalaq il-Ġimgħa 8 ta’ Frar.

Ġie spjegat li mbagħad, l-istudenti tal-iskejjel primarja se jkunu konsultati wkoll, hawnhekk permezz ta’ focus groups biex l-istħarriġ ikun b’mod komplet fost l-istudenti kollha tal-istat.

L-istqarrija tkompli tispjega kif wara li tinġabar din l-informazzjoni, issir konsultazzjoni oħra mal-ġenituri li jibgħatu t-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-istat u wkoll mal-edukaturi tal-iskejjel tal-istat.

L-istqarrija tispjega wkoll li jekk jiġi deċiż li l-uniformi tinbidel fi tracksuit, għandu jkun hemm żmien ta’ phasing-in tal-uniformi l-ġdida u jsiru l-arranġamenti neċessarji biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm piżijiet żejda fuq il-ġenituri.