Trabi u tfal jintużaw bħala bombi f’attakki terroristiċi

Il-UNICEF tinsab imħassba għaż-żieda f’daqqa ta’ tfal u trabi użati bħala bomba fin-Niġerja.
Skont rapport ikkummissjonat minn din l-organizzazzjoni fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda li taqbeż għad-drittijiet tat-tfal madwar id-dinja kollha, sa issa fin-Niġerja intużaw 83 tifel u tifla taħt l-età biex jisplodu lilhom infushom f’attakki terroristiċi.
Ħafna mit-tfal ikunu lanqas għalqu l-15-il sena, u minn 83 kien hemm 55 tifla, 27 tifel, kif ukoll tarbija li kienet qed tinġarr mit-tifla li ġegħluha twettaq l-attakk.
L-2017 ra dawn il-figuri jisparaw ’il fuq, hekk kif l-imwiet ta’ dan it-tip huma 4 darbiet akbar mis-sena l-oħra.
Il-UNICEF qalet li tfal użati b’dan il-mod, inkella mqarrqa minn adulti sabiex jagġmluh, huma vittmi u mhux kriminali.
Bosta mill-attakki ta’ dan it-tip jikkumpluttahom il-Boko Haram, grupp terroristiku fin-Niġerja.
Dal-grupp ilu 8 snin jitterrorizza lin-Niġerja għax irid li l-pajjiż isir wieħed Iżlamiku. Minħabba fih mal-20,000 persuna tilfu ħajjithom, u 2.7 miljun oħra kellhom jaħarbu minn darhom.