Aġġornata: Immigranti jipprotestaw mill-ġdid f’Ħal Safi

Desmond Falzon

Read in English.

Qamet protesta oħra fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi. Ħadd ma ndarab kawża ta’ dan l-inċident.

Il-każ ġie ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt kemm mill-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll mill-Pulizija. Kelliema għall-Pulizija kkonfermat li grupp ta’ immigranti reġgħu “qajmu rewwixta” fiċ-ċentru. Filwaqt li jidher li s-sitwazzjoni kienet waħda ikbar mis-soltu, il-membri tal-Korp tal-Pulizija telqu minn fuq il-post tard matul il-lejl.

Intant, kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta spjegat li s-suldati tagħha kienu jinsabu lesti sabiex jieħdu azzjoni jekk is-sitwazzjoni teskala. Minkejja dan jidher li ma kinitx gravi biżżejjed sabiex jieħdu azzjoni.

Rapporti fuq il-media lokali qed jgħidu li l-immigranti ħadu kontroll għal xi ħin ħadu kontroll ta’ parti miċ-ċentru. Qed jingħad li serqu xi bottijiet tal-pepper spray u kissru xi makkinarju.

Kelliema għall-Pulizija aktar tard ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li ma kienx hemm Pulizija li ndarbu kawża tal-inċident.

Aqra: Aktar għajjat u storbju fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi

Din mhix l-ewwel protesta ta’ din it-tip. Ħamest ijiem ilu, kien hemm protesta li ġiet deskritta bħala “rewwixta” mill-Pulizija. Ilbieraħ għall-ħabta ta’ nofsinhar, kien hemm protesta fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi. L-immigranti bdew jgħajjtu li jridu l-libertà.

Aqra: Aktar minn 100 immigrant jipprotestaw f’Ħal Safi

L-ewwel każ tat-tip seħħ fit-3 ta’ Settembru. Fil-protesta ħadu sehem aktar minn 100 persuna, iżda n-numru eżatt ma kienx ġie kkonfermat.

Aqra: Ritratti: Għajjat, nar u storbju fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi

Imbagħad fid-9 ta’ Settembru għadd ta’ Pulizija ntalbu jassistu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi minħabba protesta. L-immigranti kienu qabbdu xi nar.