Tqaċċit siġar: Se nħawlu oħrajn post ieħor – Il-Ministeru

Il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed iħawwel siġar oħra f’post ieħor flok l-14-il siġra li tqaċċtu fi Triq Għajn Qatet fir-Rabat, Għawdex.
Kelliem għall-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qal li s-siġar tqaċċtu wara li l-Ministeru għal Għawdex applika u ingħata l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi (ERA).
Spjega li l-permess ingħata bil-kundizzjoni li jitħawlu siġar oħra kif u fejn indikat mill-ERA stess.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar ix-xogħlijiet li qed isiru fl-inħawi fejn tqaċċtu s-siġar, il-kelliem għall-Ministru Caruana qal li dawn jinkludu twessigħ, bdil ta’ servizzi, tisħiħ u asfaltar tat-triq.
Il-kelliem qal ukoll li l-Ministeru beda proċess ta’ afforestazzjoni bl-ewwel proġetti jkunu masġar f’Ta’ Pinu, xogħolijiet fil-ġnien tad-Dawwara, limiti tar-Rabat, li ser jinfetaħ għall-pubbliku, proġett ġdid biex ikun jista jigawda ġnien abbandunat fil-Ulysses Grove fix-Xewkija, il-ġnien ta’ Isopu fin-Nadur u l-family park li qed isir fi Triq San Leonardu limiti tar-Rabat.