Tpoġġux l-interessi tal-familja Zammit Tabona qabel tal-poplu – NGO lill-Gvern

Read in English.

Il-Moviment Graffitti qal li l-Gvern deher li kien qed ipoġġi l-interessi tal-familja Zammit Tabona l-ewwel, meta rreveda l-pjanijiet għal fast ferry minflok servizz ta’ hop-on hop-off.

Fi stqarrija, l-NGO qalet li l-Gvern kellu bosta ftehimiet li kienu ta’ benefiċċju għall-familja. Intqal li fost il-ftehimiet li qed jgħinu lis-sidien tal-Captain Morgan u l-Fortina, hemm ukoll il-moll privat “li se jirvina l-Balluta u l-proċess skandaluż li wassal għall-permess mill-PA; il-lido privat fil-kosta f’Tas-Sliema; u l-proposta għal bini ta’ moll enormi f’Kemmuna biex jilqa’ d-dgħajjes tal-Captain Morgan.”

Fil-każ tal-fast ferry, l-NGO qalet li l-Gvern qed jagħżel li jinjora l-ħtiġijiet ta’ eluf ta’ Għawdxin, biex minflok, iservi l-interessi tal-familja Zammit Tabona. L-għaqda semmiet kif it-tender jista’ jipprovdi lill-kumpanija Captain Morgan b’monopolju fuq l-industrija tat-trasport marittimu għal 15-il sena. Dan ikun ifisser dħul ta’ madwar €115.5 miljun.

L-għaqda hi tal-fehma wkoll li servizz hop-on hop-off mhuwiex sostitut tajjeb għal fast ferry li tipprovdi konnessjoni diretta bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta.

Hija ssoktat tgħid li hu magħruf li l-familja tat donazzjonijiet lill-Partit Laburista, u li b’hekk huwa naturali li jqumu dubji fuq “ir-rabtiet mill-qrib li għandha l-familja Zammit Tabona mal-klassi politika” u kif “qed iwasslu għal deċiżjonijiet li jiffavorixxu l-interessi kummerċjali tagħha.”

Il-Moviment Graffitti għalhekk sostna li l-kwistjonijiet kollha li b’xi mod hija involuta fihom il-familja Zammit Tabona għandhom jiġu investigati u skrutinizzati bir-reqqa, sabiex il-pubbliku jkun jaf għaliex qed jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet. “Huwa kompletament inaċċettabbli li l-poplu jibqa’ jintrifes taħt is-saħħa finanzjarja u politika tal-familja Zammit Tabona,” temmet tgħid l-għaqda.