​Toys R Us se tagħlaq

Aħbar kerha għan-“nostalġiċi” tat-tfulija madwar id-dinja: il-katina tal-ħwienet tal-ġugarelli Toys R Us ħabbret li se tbiegħ jew tagħlaq it-800 ħanut li għandha fl-Istati Uniti, b’telf ta’ impjieg għal 33,000 ħaddiem. Dan hekk kif il-kumpanija mistennija tagħlaq l-operat tagħha wara kważi 60 sena.
Sitt xhur ilu l-kumpanija ddikjarat falliment, b’dejn ta’ kważi 8 biljuni, iżda f’dan il-perjodu ma rnexxiliex issib akkwirent. Fil-ġranet li għaddew, kien hemm rapporti li l-kumpanija waqfet tħallas lill-fornituri tagħha, li jinkludu fost l-akbar produtturi ta’ ġugarelli fil-pajjiż. Fl-aħħar jiem il-kumpanija diġà ħabbret li kienet se tagħlaq 100 ħanut fir-Renju Unit.
Minkejja l-investimenti qawwija f’reklamar, il-kumpanija ma rnexxilha qatt tilqa’ verament għad-daqqa li ngħatat lilha mill-bejgħ elettroniku ta’ ġugarelli. Hu stmat li ToysRus qed titlef bejn 50 u 100 miljun dollaru fix-xahar, u għaldaqstant il-kredituri rraġunaw li jaqbillhom isalvaw li jistgħu permezz tal-bejgħ tal-ħwienet, li tista’ tgħid huwa l-uniku riżorsa ewlieni li fadlilha l-kumpanija.
Hu mifhum li s-sitwazzjoni ddisprata ta’ Toys R Us, li hija bbażata fi New Jersey, fl-Istati Uniti, hi tali li ma tistax tiggarantixxi l-pagi tal-ħaddiema tagħha għal aktar minn xahrejn oħra.
Strateġija ġdida minn Walt Disney
Il-kumpanija Amerikana The Walt Disney Company ħabbret rijorganizzazzjoni strateġika tan-negozju tagħha biex dan jirrifletti l-prioritajiet tagħha fl-oqsma tal-innovazzjoni teknoloġika, l-espansjoni globali, il-ħolqien ta’ kontenut ta’ livell ogħla u distribuzzjoni diretta lill-konsumatur. Dan f’mossa ċara biex tikkompeti ma’ Netflix.
Disney fi ħsiebha tikkompeti ma’ Netflix mill-2019, bit-tnedija ta’ servizz dirett ta’ streaming. Fl-aħħar snin Disney issaħħet b’mod konsiderevoli bl-akkwist ta’ kumpaniji bħal Pixar, Marvel u Lucasfilm, filwaqt li għaddejjin ukoll negozjati għall-kumpanija ċinematografika 21st Century Fox.
Permezz tas-servizz ta’ streaming, Disney se xxandar films tal-kumpaniji msemmija hawn fuq, flimkien ma’ serje televiżivi esklussivi u eluf ta’ titli mill-arkivji ta’ Disney. Il-kumpanija kkommettiet ruħha għal mill-anqas ħames films oriġinali u ħames serje televiżivi fl-ewwel sena, bl-ebda wieħed minnhom ma jkun għall-adulti biss.
Barra minn hekk il-kumpanija ħabbret investiment qawwi fil-programmazzjoni internazzjonali tagħha, xhieda tal-estensjoni tal-proġett tagħha.
Is-sena li għaddiet Disney iġġenerat dħul ta’ madwar 55 biljun dollaru u tħaddem ftit inqas minn 200,000 ruħ. L-iżvelar tal-pjanijiet għall-futur tal-kumpanija waslu għal ċaqliqa pożittiva fl-ishma tagħha, li jiswew kważi 104 dollaru l-waħda.
Taxxa diġitali fl-Ewropa?
Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji pjanijiet għal dik li qed tissejjaħ taxxa diġtali fuq id-dħul li jsir fl-UE li tista’ twassal għal dħul ta’ madwar 5 biljun ewro fis-sena. Din se tolqot primarjament ġganti tat-teknoloġija bħal Google, Facebook u Apple.
Bosta minn dawn il-kumpaniji kbar huma magħrufin kif permezz ta’ metodi ta’ kontabilità partikolari, jirnexxilhom jevitaw il-ħlas tat-taxxa fuq parti kbira mill-profitti tagħhom. Biex tilqa’ għal dan, l-UE fi ħsiebha tintaxxa d-dħul iktar milli l-profitt. B’din il-mossa, il-Kummissjoni qed twieġeb ukoll għall-appelli ta’ numri ta’ pajjiżi fuq quddiemnett Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit għal pożizzjoni aktar b’saħħitha fuq il-kumpaniji li jevitaw il-ħlas tat-taxxa.
It-taxxa, li mistennija tkun ta’ madwar 3% se tinġabar fuq dħul mir-reklamar li jsir fuq prodotti bħal Google jew Spotify, u fuq id-dħul li jsir minn dawn in-negozji li jbiegħu din l-informazzjoni lil partijiet terzi.
Hu mifhum li din it-taxxa se tkun applikabbli biss fuq kumpaniji b’turnover globali ta’ aktar minn 750 miljun ewro u dħul taxxabbli fl-UE ta’ aktar minn 50 miljun.
Aktarx li din it-taxxa jista’ jkollha oppożizzjoni f’pajjiżi b’rati ta’ taxxi baxxi, fuq quddiemnett l-Irlanda u l-Lussemburgu. Skont il-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-medja ta’ taxxa mħallsa minn kumpaniji tradizzjonali hi ta’ madwar 23%, kumpaniji diġitali, li ġeneralment joperaw lil hinn mill-frutieri, iħallsu biss 9.5% fl-UE.
Din it-taxxa mistennija tkun waħda temporanja sakemm l-awtoritajiet jiżviluppaw pjanijiet fuq medda itwal ta’ żmien biex jibdlu r-regoli ta’ kif jiġu intaxxati kumpaniji diġitali.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.