Toy Story 4 kiser ir-rekords tad-dinja għal film tal-cartoons

Il-film Toy Story 4 kiser ir-rekords tad-dinja għal film tal-cartoons meta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kiseb suċċess kbir fl-Amerika Latina u fl-Ewropa. Il-film daħħal €209 miljun, għalkemm bata ftit fiċ-Ċina u naqas milli jmur tajjeb kif kien mistenni fl-Istati Uniti fejn daħħal €103 miljun meta kien maħsub li seta’ għamel €122 miljun.

Toy Story 1 kien ħareġ fl-1995 u kien introduċa lill-udjenzi għax-Sheriff Woody (bil-vuċi ta’ Tom Hanks) u Buzz Lightyear (Tim Allen). Il-film kien għamel €346 miljun fiċ-ċinemas madwar id-dinja.

Toy Story 3 ħareġ disa’ snin ilu u kien inlaqa’ tajjeb ferm mill-kritiċi u l-film kien l-ewwel film animat li kien daħħal biljun Dollaru Amerikan. Kien hemm il-biża’ li r-raba’ film dwar il-ġugarelli ma kienx se jmur tajjeb għax it-tmiem ta’ Toy Story 3 kien bħallikieku għalaq l-istejjer kollha tal-istess ġugarelli u ma kienx se jkun hemm aktar fejn jiżvolġew.

Iżda l-film il-ġdid issorprenda lil bosta daqs kemm tfaħħar, l-iżjed meta l-gang ta’ Woody u Buzz ingħaqdu magħhom Forky u Duke Caboon, bil-vuċi ta’ Keanu Reeves.

Il-film Toy Story 4 jinsab fir-raba’ post għall-films animati fl-ewwel wiri tagħhom fl-Istati Uniti. F’dan il-pajjiż, qablu, hemm Incredibles 2, Finding Dory u Shrek the Third.

Madankollu l-film daħħal €13.5miljun fl-Ingilterra fi tlett ijiem li hu rekord għal film animat.