Ta’ Townsquare imeru

Id-diriġenti tal-proġett Townsquare, f’ittra bl-Ingliż li bagħtu lil Newsbook.com.mt, ilmentaw dwar artiklu bil-Malti  u qalu li dak li qalet il-Perit Tara Cassar dwar il-bidla fil-pjanti tal-progett, mhux minnu. Il-kumment tal-Perit Cassar, li s-Sur Andrew Ganado, f’isem id-diriġenti tal-proġett, attribwixxa għal Newsbook.com.mt, kien jgħid li

“…kieku [l-għaqdiet ambjentali] ma appellawx mid-deċiżjoni dwar il-proġett ta’ Townsquare, kien jinbena torri bi 11-il sular aktar milli suppost…. ‘Dan it-tnaqqis ta’ 11-il sular sar peress li l-FAA flimkien ma’ għaqdiet oħra appellat d-deċiżjoni oriġinali ta’ approvazzjoni. Xogħolna wassal biex tinqaleb id-deċiżjoni ta’ pjanar f’żona ta’ żvilupp maġġuri fil-qalba ta’ Tas-Sliema. Il-maġġoranza tan-nies ħasbu li kienet kawża mitlufa’ ”

Ara l-Artiklu hawn. 

Id-diriġenti tal-proġett Townsquare qalu li din l-asserzjoni ma għandha l-ebda bażi ta’ fatt, li hija inkorretta u maħsuba biex tiżvija. Huma sejħu bħala inkorrett ukoll “…li tgħid li l-pjanti m’humiex fid-dominju publiku meta dawn ittellgħu fil-websajt tal-PA skont ir-regolamenti”. Il-Perit Cassar fl-artiklu qalet li “…tkun tista tikkummenta dwar l-aħħar żviluppi meta joħorġu d-dettalji tal-proposta l-ġdida”.

Id-diriġenti tal-proġett Townsquare qalu li mhux minnu li t-tribunal tal-Appelli dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kien għamel xi referenza għall-għoli tat-torri propost li kellu jkun ta’ 38 sular iżda qal biss li kellhom isiru aktar studji. “Id-deċiżjoni li jitnaqqsu 11-il sular, jew 37 metru, fl-applikazzjoni riveduta li kienet sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar kienet deċiżjoni ta’ l-iżiviluppaturi waħedhom”.  Huma ilmentaw mir-rappurtaġġ ta’ Newsbook.com.mt u qalu li ma vverifikawx il-fatti.

L-ittra sħiħa ta’ Townsquare tinsab hawnhekk.

Fi stqarrija maħruġa fit-30 ta’ Lulju, id-diriġenti ta’ Townsquare kienu qalu:

“L-Iżviluppaturi tal-proġett ta’ Townsquare f’Tas-Sliema se jnaqqsu l-għoli tat-torri propost b’37 metru – l-ekwivalenti ta’ 11-il sular fuq it-torri preċedenti – biex b’hekk inaqqsu l-impatt viżwali b’mod drammatiku.

Townsquare issottomettiet disinji ġodda lill-Awtorita tal-Ippjanar wara deċiżjoni li t-Tribunal tal-Appelli tal-Ambjent u l-Ippjanar li l-proġett kellu jkun rivedut minn dak propost fl-applikazzjoni tal-2016” Stqarrija sħiħa.

Kienu għalhekk l-iżviluppaturi ta’ Townsquare stess li rabtu t-tnaqqis tas-sulari mad-deċiżjoni tat-tribunal, liema deċiżjoni huma kieu esprimew irwieħhom bħala ‘naturalment diżappuntati biha. Stqarrija sħiħa.