Townsquare: “Kieku m’appellajniex kienu japprovaw deċiżjoni illegali”

Il-Perit ta’ numru ta’ għaqdiet qalet li kieku dawn ma’ appellawx mid-deciżjoni dwar il-proġett Townsquare f’Tas-Sliema kien jinbena torri bi 11-il sular aktar milli suppost.

Il-Perit u konsulent f’isem l-għaqdiet Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Ramblers Association Malta, u l-Qui-si-Sana Residents Association, Tara Cassar, qalet li tkun tista’ tikkummenta dwar l-aħħar żviluppi meta joħorġu d-dettalji tal-proposta l-ġdida.

L-iżviluppaturi tal-proġett Townsquare f’Tas-Sliema ħabbru li se jnaqqsu t-tul tal-bini propost b’37 metru, ekwivalenti għal 11-il sular mit-torri li kien hemm qablu.

Il-kumpanija Townsquare ssottomettiet disinji ġodda lill-Awtorità tal-Ippjanar, wara deċiżjoni li ttieħdet f’Mejju mit-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar li talbet reviżjonijiet fl-applikazzjoni tal-proġett, li kienet ġiet approvata fl-2016.

Qalet li minkejja li l-iżviluppaturi dejjem insistew li t-torri tagħhom kien legali, issa ġie żvelat li t-torri kellu 11-il sular aktar milli suppost.

“Dan it-tnaqqis ta’ 11-il sular sar peress li l-FAA flimkien ma’ għaqdiet oħra appellat d-deċiżjoni oriġinali ta’ approvazzjoni. Xogħolna wassal biex tinqaleb id-deċiżjoni ta’ pjanar f’żona ta’ żvilupp maġġuri fil-qalba ta’ Tas-Sliema. Il-maġġoranza tan-nies ħasbu li kienet kawża mitlufa.”

Il-Perit Cassar qalet li permezz tal-perseveranza, il-bidla hija possibbli.

Is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop qal ma’ Newsbook.com.mt li se jkun qed jiddiskuti l-aħħar żviluppi b’rabta mal-proġett mall-Kunsilliera nhar it-Tnejn li ġej.

Qal li aktar milli l-għoli tat-torri, kien in-nuqqas ta’ ppjanar dwar l-infrastruttura ta’ mad-dawra taż-żona li qed jinkwieta lill-Kunsill Lokali. Iddeskriva t-tnaqqis fl-għoli tat-torri bħala “interessanti”.  Qal li l-istudji li saru ma kinux jindirizzaw l-oqsma kollha li se jaffettwa l-proġett b’mod reali.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-għaqda Friends of the Earth Malta, Martin Galea de Giovanni, qal ma’ Newsbook.com.mt li s’issa jidher li għadhom ma ħarġux fil-pubbliku l-pjanijiet il-ġodda.

Qal li fl-istess ħin il-fatt li l-proġett se jkun qed jonqos bi’ 11-il sular juri kemm veru kien hemm problema bl-għoli.

Żied jgħid li dawn it-tip ta’ strutturi għoljin dejjem iġibu magħhom problemi b’rabta mal-iskart u mar-riżorsi fost oħrajn.

Mistoqsi dwar jekk hux aħjar li l-bini ġdid f’Malta jkun fl-għoli milli aktar wiesgħa fid-dawl tal-popolazzjoni li qed tiżdied, Galea de Giovanni qal li l-ewwel wieħed irid jistaqsi jekk iridx li l-popolazzjoni ta’ Malta tirdoppja. Qal li din mhix biss kwistjoni ta’ bini, peress li hemm fatturi oħra bħal sptarijiet u postijiet miftuħa li wieħed irid iżomm f’moħħu.

Kelliema għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-ERA hija infurmata li l-proposta qed tiġi aġġornata, però m’għandhiex kopja tal-amendi li saru. L-ERA qalet li indikat li l-amendi jirrikjedu aġġornament fl-istudji ambjentali.