Tour u album ġdid ta’ Whitney Houston fl-2020; Mietet fl-2012!

Ritratt: Warner

Hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla jsir tour ta’ Whitney Houston. Dan minkejja li din il-kantanta ilha seba’ snin mejta.

Il-Whitney Houston Estate fil-fatt ħabbret li qed jippjanaw dan it-tour li fih Whitney tkun preżenti permezz ta’ ologrammi.

Dan ifisser li fuq il-palk se jkun hemm mużiċisti, żeffiena u backing singers, fosthom ħuha Gary, filwaqt li fuq il-palk tkun qed tidher ix-xbiha ta’ Houston. Forsi dan kollu jinstema’ stramb imma huwa simili bħala ma sar fil-Billboard Music Awards meta Madonna ħarġet tkanta u kien hemm bosta xbihat tagħha fuq il-palk timmovimenta.

Jidher li dawn it-tip ta’ tours se jibdew isiru popolari hekk kif permezz ta’ din it-teknoloġija, ħafna artisti li ħallewna “se jerġgħu jingħataw il-ħajja”.

Iżda jidher li dan mhux kollox. Qed jingħad li tul is-snin Whitney Houston kienet irrekordjat għadd kbir ta’ kanzunetti li qatt ma’ nħarġu u hemm il-ħsieb li jibdew jinħarġu wkoll. Skont rapporti li nħarġu, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel album li għandu wkoll jitlesta fiż-żmien li ġej.

Dan kollu se jkun possibbli permezz ta’ investiment minn Primary Wave Music Publishing, li xtraw 50% tal-Whitney Houston Estate u b’hekk issa għandhom interess finanzjarju li jżommu ħajja l-memorja tal-kantanta.

Qed jiġi pjanat ukoll musical għal fuq il-palk ta’ Broadway, li pero għalissa għadu fi stadju bikri. Qed jaħsbu wkoll fuq possibbilità li jsir spettaklu f’Las Vegas.

Però jidher li biex dan il-proġett jieħu l-ħajja iridu jaraw kif se jkun ir-rispons tal-pubbliku għat-tour li jridu jagħmlu u li qed jissemma’ li se jkun jismu “Whitney Houston: The Hologram Tour”.

Whitney Houston kienet mietet fil-11 ta’ Frar 2012.