Tour organiser jitressaq il-Qorti fuq il-vleġeġ miżbugħa fil-kampanja

Read in English.

Tour organiser ta’ 73 sena wieġeb mhux ħati wara li ġie mressaq il-Qorti fuq il-marki biż-żebgħa li saru f’postijiet varji fil-kampanja madwar Malta.

Investigazzjonijiet kienu żvelaw li l-marki – vleġeġ ħomor – kienu marbuta ma’ attività atletika organizzata minn kumpanija tal-ivjaġġar Franċiża. Nature Extreme Developpement organizzat il-“Malta & Gozo Island Ultra Trail,” bil-parteċipanti mistiedna jiġru tul il-kosta tal-gżejjer Maltin fuq numru ta’ ġranet.

Il-persuna responsabbli kien ordnat ineħħi l-marki b’mod li jirrispetta l-ambjent u li jevita aktar ħsarat, imma l-ispezzjonijiet tal-pulizija u tal-Awtorità għall-Ambjent u  Riżorsi (ERA) żvelaw li dan ma kienx qed isir. Għalkemm kellu jintuża biss l-ilma, ġie nnutat li ntużat ċertu kimika, u f’ċertu l-każi, il-marki sempliċiment ġew moħbija.

Għalhekk ġie deċiż li Serge Morel-Jean għandu jitressaq il-Qorti biex iwieġeb għal għemilu. Hu ġie akkużat li kkawża ħsarat lill-propjetà pubblika, liema ħsara teċċedi l-€2,500. F’dan il-każ, skont il-Kodiċi Kriminali, l-akkużat jista’ jeħel piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa erba’ snin.

Jean ġie wkoll akkużat li kiser numru ta’ liġijiet ambjentali.

Fil-qorti, l-Ispettur Elliott Magro qal li bottijiet taż-żebgħa nstabu fil-karozza tal-akkużat, u li Morel-Jean ġie mogħti l-opportunità li jevita konsegwenzi legali jekk jieħu ħsieb it-tneħħija tal-marki skont metodu approvat. Però, wara li neħħa xi żewġ marki, iddeċieda li kemm jgħatti jew jigref l-oħrajn.

L-avukat Joe Brincat, f’isem Morel-Jean, talab il-ħelsien mill-arrest wara li kkonferma li l-klijent tiegħu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. It-talba ma ġietx oġġezzjonata mill-Ispettur Magro, li però nsista li l-akkużat għandu jħalli d-dettalji tiegħu, suġġett għal garanzija.

L-ispettur fakkar li ġie kkawżat diżastru, u li hemm bżonn spejjeż konsiderevoli biex jittranġa.