Tottenham jinqalgħu miċ-Champions League

L-avventura ta’ Tottenham fiċ-Champions League intemmet wara li tilfu bl-iskor ta’ 3-0 kontra RB Leipzig.

Il-klabb Ġermaniż – li ffurmaw ruħhom 10 snin ilu – marru bdew fuq quddiem bl-iskor ta’ 1-0 mill-ewwel leg ġewwa Londra. Id-dopjetta ta’ Marcel Sabitzer f’darhom kompliet poġġiet lil Leipzig fil-kontroll tal-logħba ġewwa r-Red Bull Arena. Il-gowler ta’ Spurs Hugo Lloris kellu fejn jilqa’ ż-żewġ blalen, iżda sfortunatament irnexxielu biss imiss il-ballun qabel jidħol fix-xibka.

Emil Forsberg skurja t-tielet gowl tal-logħba wara li daħal lejn l-aħħar tal-logħba.

It-tim ta’ Mourinho li għadhom ma rebħux logħba mill-aħħar sitt logħbiet li lagħbu, għandhom bżonn jerġgħu lura fuq saqajhom jekk iridu jerġgħu jidħlu jikkompetu fit-turnew is-sena d-dieħla. Bħalissa qegħdin seba’ punti bogħod mir-raba’ post fil-Premier League.