Tottenham iridu lit-tifel ta’ Kluivert

It-tim li jinsab fit-tielet post tal-kampjonat Ingliż, Tottenham Hotspurs, jinsabu interessati li jakkwista lill-Olandiż Justin Kluivert, li jiġi iben il-plejer leġġendarju Patrick Kluivert.
Xi skawts tat-tim minn Londra marru fil-belt ta’ Amsterdam sabiex jaraw aktar mill-viċin lil dan iż-żagħżugħ ta’ 18–il sena jilgħab mat-tim tiegħu Ajax.
Dan il-plejer diġà qed jilgħab mat-tim tal-kbar ta’ Ajax, tant li deher seba’ darbiet matul dan l-istaġun. Huwa meqjus bħala talent li jekk jiġi indukrat sew għandu jagħti riżultati tajbin fil-futur.
Tottenham għandhom storja pożittiva ta’ plejers li kienu jilagħbu ma’ Ajax u li mbagħad spiċċaw magħhom.
Fil-fatt, Davinson Sanchez, Christian Eriksen u Jan Vertonghen, li qegħdin fl-iskwadra tal-Hotspurs, xi darba kienu jilbsu l-flokk aħmar u abjad tal-klabb li jilgħab fl-Eredivisie Olandiża.