Torta tal-ispinaċi bl-irkotta

torta spinaċi

Ingredjenti

6 mgħaref butir

2 rjus tat-tewm mgħaffġa

basla mqattgħa rqiqa

300g spinaċi (friska jew tal-friża)

300g rkotta

bżar u melħ

3 mgħaref dqiq

300ml ħalib

50g ġobon maħkuk

bajda

għaġina tat-torti jew sfiljorata

Metodu

Saħħan il-forn għal 200˚Ċ

Dewweb 3 mgħaref butir f’borma baxxa u aqli t-tewm u l-basal sakemm il-basal isir trasparenti. Żid l-ispinaċi u sajjar malajr sakemm ma jibqax wieqaf. Roxx ftit bżar u melħ kemm tiggosta. Ħalli fil-ġenb.

Lesti z-zalza bajda milli ddewweb it-3 mgħaref butir li jkun għad fadallek. Żid id-dqiq u ħawwad tajjeb. Żid il-ħalib ftit ftit u ħawwad tajjeb kull darba biex ma jkollokx taħlita bil-boċċi. Meta jkollok taħlita lixxa żid il-ġobon tal-ħakk u ħallat tajjeb mill-ġdid. Ħalli t-taħlita tibred xi ftit u żid il-bajda. Erġa’ ħawwad tajjeb.

Itfa’ z-zalza bajda fuq it-taħlita tal-ispinaċi. Wara żid l-irkotta u ħawwad kollox flimkien.

Iksi dixx tal-forn bl-għaġina tat-torti jew sfiljorata. Imla t-torta bit-taħlita tal-ispinaċi u għatti wiċċ it-torta. Sajjar fil-forn sakemm il-wiċċ tat-torta jieħu kulur dehbi.