Torta għal Jum San Valentinu

Riċetta ta' Anton B. Gougall 
Ingredjenti

  • 600gr għaġina ħelwa
  • 150gr ċikkulata sewda mqatta' f’biċċiet
  • 120gr marġerina
  • 120gr zokkor
  • 4 bajdiet
  • 120gr frak tal-kejk (taċ-ċikkulata jew tal-vanilja u ftit xott)
  • 50gr trab taċ-ċikkulata skura
  • 40gr chocolate chips

Ingredjenti għall-kisi

  • 80gr ċikkulata skura
  • 50gr zokkor
  • bott mascarpone
  • vażett krema friska
  • liqueur taċ-ċikkulata jew rum iswed 

Metodu
1. Ixgħel il-forn f’temperatura ta’ 180C jew gass numru 4
2. Lesti l-għaġina u ħallieha tistrieħ. Sadanittant, ipprepara l-mili.
3. Qiegħed il-marġerina u z-zokkor fi skutella u ħaddimhom tajjeb. Żid il-bajd, iċ-chocolate chips, it-trab taċ-ċikkulata u l-frak tal-kejk. Kompli ħaddem sakemm l-ingredjenti kollha tħalltu tajjeb.
4. Iftaħ l-għaġina. Roxx ftit dqiq fuq il-mejda tal-kċina u iftaħ l-għaġina b'lembuba. L-għaġina la trid tkun ħoxna żżejjed u lanqas rqiqa ħafna.
5. Idlek dixx tal-flan b'dijametru ta' 23cm bi ftit marġerina u għaddih ħafif bid-dqiq. Tista' tiksih b'karta tal-forn ftit umda biex iżżomm tajjeb mal-qiegħ. Gerbeb l-għaġina miftuħa mal-lembuba u iksi d-dixx biha. Irranġa x-xfar.
6. Ferra' t-taħlita fil-forma u sajjar fil-forn għal madwar 40 minuta. Neħħi t-torta mill-forn u ħalliha għal xi 5-8 minuti fil-forma qabel tneħħiha u ħalliha tkompli tiksaħ fuq xibka tal-ħadid.
7.Xarrab tajjeb il-wiċċ tat-torta b'xi liqueur taċ-ċikkulata jew rum iswed
8. Qiegħed il-mascarpone, iz-zokkor u l-krema ġo skutella u ħaddem tajjeb.
9. Qiegħed iċ-ċikkulata f’kazzola u dewwibha f’banju marija. Oqgħod attent/a li ma jidħolx ilma fil-kazzola.
10. Żid iċ-ċikkulata mdewwba mat-taħlita tal-mascarpone.
11. lksi t-torta b'din it-taħlita. Kessaħ tajjeb għal mhux anqas minn 4 siegħat.
12. Tista' żżejjen il-wiċċ tat-torta b'ċikkulatini differenti u mbagħad roxx ftit trab taċ-ċikkulata fuqhom.

Għall-aktar riċetti minn Anton B Gougall segwi l-programm Ta' Kulħadd fuq RTK 103FM kuljum bejn id-9am u 12pm, jew il-paġna tal-Facebook ta' Anton B Dougall.