Torrijiet imħaddra – idea tajba għal Malta?

It-tieni l-akbar belt fl-Italja, Milan, għaddejja minn proċess ta' riġenerazzjoni hekk kif qed tipproponi trasformazzjoni tal-iskyscrapers, fejn jinbidlu f’torrijiet ta’ ħdura miksija bil-pjanti, bil-għan li tisbieħ l-iskyline tal-belt. 
Foresta qalb it-torrijiet 
Fiż-żona ta' Porta Nuova, id-distrett tan-negozju ġdid fil-belt, insibu żewġ torrijiet miksija bil-pjanti li jissejħu Bosco Verticale (foresta vertikali), maħsuba mill-Perit Stefano Boeri. L-idea wara dan id-disinn huwa sempliċi ħafna iżda innovattiv għall-aħħar. Il-kunċett jagħti lura l-ispazju lin-natura biex timraħ, spazju li sfortunatament qiegħed dejjem jiġi aktar mittiefes mill-urbanizzazzjoni. Dawn it-torrijiet jiġbru fihom madwar 800 siġra u 15,000 pjanta, li flimkien huma l-ekwivalenti ta’ 20,000 metru kwadru ta’ foresta. 
Iżda dan id-disinn mhuwiex biss sabiħ għall-għajn, huwa wkoll maħsub bħala proġett sostenibbli li jikkontribwixxi għall-kostruzzjoni ta' mikroklima li tassorbi s-CO2 u partiċelli tat-trab mill-arja, u tipproduċi arja nadifa u ossiġnu. Barra minn hekk, din toffri wkoll abitat naturali għall-għasafar, friefet u insetti oħra. 
Pjanti għall-kulħadd
Interessanti wkoll li tħawlu diversi xitel tal-frott u l-ħaxix, fejn wieħed jista' jaqbad u jaqta' dak li għandu bżonn għat-tisjir. 
Il-qofol tat-torrijiet jintlaħaq fin-nofs bejn dawn iż-żewġ strutturi, fejn inħoloq ċirku ta’ siġar fi spazju ta’ xejn anqas minn 95,000 metru kwadru, maħsub li jkun it-tielet l-akbar spazju ta’ ħdura naturali f’Milan. Id-disinjatriċi ta’ din il-“Bibljoteka ta’ Siġar” qalet li llum il-ġonna tal-bliet m’għadhomx sempliċiment binjiet pubbliċi, iżda dinja ġdida minnha nnifisha.  

Taqbel li l-iżviluppaturi Maltin għandhom jikkunsidraw dawn it-tip ta’ bini? Ħalli kumment taħt l-artiklu.