Torrijiet Imrieħel: Ritratti ġodda juru li se jkun hemm impatt viżwali

L-iżviluppaturi ta’ Quad, it-torrijiet tal-Imrieħel applikaw għal estensjoni laterali fil-proġett minkejja li għadu għaddej l-appell.
Il-photo-montages li ġew ippreżentati mal-iżvilupp propost oriġinarjament u dawk li ġew preżentati issa fit-talba ta’ estensjoni huwa differenti, minkejja li l-konsulenti baqgħu l-istess.
Fir-ritratti li ġew ippreżentati issa jidher l-impatt viżwali li se jkollu l-iżvilupp fuq kif tidher l-Imdina mill-Belt.
Fi stqarrija l-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li dan jikkonferma dak li qalu l-għaqdiet ambjentali li l-photo-montages oriġinali ma jagħtux stampa reali tal-iżvilupp.
L-iżviluppaturi dejjem insistew li l-erba’ torrijiet se jkollhom impatt viżwali minimu.
L-FAA staqsiet għalfejn dawn ir-ritratti ma ġewx preżentati qabel quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjannar.
Saħqet li l-pubbliku għandu dritt għall-informazzjoni sħiħa u korretta.