Toroq vojta u siekta fi Franza

Read in English.

Is-Sibt filgħaxija, it-toroq f’Pariġi u tmint ibliet oħra Franċiżi kienu siekta u vojta għal kollox hekk kif il-Gvern Franċiż daħħal miżura li permezz tagħha l-pubbliku jrid jibqa’ ġewwa.

Din il-miżura kontroversjali hija mmirat biex trażżan ir-rata ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 hekk kif fl-aħħar jiem ġiet innutata żieda qawwija fi Franza u f’għadd ta’ pajjiżi oħra Ewropej inkluż Malta.

Madwar 20 miljun Franċiż intlaqtu mill-miżura li żżommhom ġewwa mal-lejl. Din mistennija tibqa’ fis-seħħ għal xahar sħiħ fl-ibliet bħalma huma Marsilja, Lyon, Lille u Toulouse, kif ukoll il-kapitali. Il-pubbliku ntalab jibqa’ ġewwa bejn id-9pm u s-6am. Il-President Emmanuel Macron qal li dawn il-curfews huma meħtieġa biex jiġi evitat ir-riskju li l-isptarijiet jiġu miżgħuda bil-każijiet ta’ pazjenti li jeħtieġu kura.

Diversi aġenziji tal-aħbarijiet irrappurtaw li s-sidien ta’ ristoranti u negozji oħra lmentaw minħabba d-deċiżjoni hekk kif huma ilhom ibatu mil-lockdown li ta’ xahrejn fir-rebbiegħa.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte se jħabbar restrizzjonijiet ġodda llum minħabba ż-żieda fil-każijiet. L-Italja, li kien l-ewwel pajjiż Ewropew milqut mill-pandemija fl-ewwel mewġa fi Frar li għadda, ilbieraħ irreġistra għadd rekord ta’ każijiet ġodda f’ġurnata.

Il-midja Taljana qalet li r-regoli l-ġodda jistgħu jkunu mmirati lejn attivitajiet mhux essenzjali inkluż gyms, pixxini u avvenimenti sportivi oħrajn.