Toroq ġodda sabiex jitjieb l-aċċess lejn l-Ajruport

Il-Ministeru għat-Trasport u Transport Malta għaddejjin b’ħidma sabiex jiżdiedu tliet lanes ġodda fi Triq l-Avjazzjoni u jitjieb l-aċċess mill-mina ta’ Ħal Kirkop, il-bypass tal-Gudja u Ħal Luqa.  
Il-Ministru Ian Borg qal fi stqarrija li dan il-proġett għandu l-għan ukoll li jtejjeb l-aċċess lejn l-Ajruport ta’ Malta.
Il-ħidma qed issir sabiex it-traffiku jkun immaniġġjat b’aktar effiċjenza fir-rawndebawt li minn Ħal Luqa twasslek għall-Gudja, għall-Ajruport ta’ Malta, għat-Triq ta’ Ħal Far u għall-mina ta’ Ħal Kirkop.
Ingħad li f’dir-rawndebawt jgħaddu mal-4,000 vettura fis-siegħa kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija fil-ħinijiet tax-xogħol.
Il-bidla ewlenija se tkun bypass lane li hekk kif toħroġ mill-mina ta’ Ħal Kirkop tieħdok direttament fi Triq l-Avjazzjoni, lejn Ħal Luqa, mingħajr ma tgħaddi mir-rawndebawt.
Imbagħad bypass lane oħra sabiex meta tkun ġej minn Ħal Luqa tibqa’ sejjer dritt lejn il-bypass tal-Gudjabla ma tidħol fir-rawndebawt.
It-tielet lane ser issir sabiex mill-bypass tal-Gudja tasal l-ajruport.
Il-Ministru Borg temm jgħid li dawn it-tibdilit iħallu wkoll effett soċjali, minbarra dak infrastrutturali. Qal li ħadd ma jieħu gost isib diffikultà biex jasal fejn irid.
Ritratt: Arkivji