Toroq f’San Ġwann, l-Iklin u l-Gżira jingħalqu għal asfaltar

Transport Malta avżat li bejn illejla u s-Sibt se jingħalqu wħud minn toroq ewlenin f’San Ġwann, fl-Iklin u fil-Gżira b’rabta ma’ xogħlijiet ta' asfaltar għall-proġett tal-Kappara.
Waqt li skużat ruħha għall-inkonvenjent u wissiet lis-sewwieqa jsuqu bil-galbu u skont is-sinjali tat-traffiku, Transport Malta avżat li mil-lejla sal-Erbgħa fis-6am, se jkunu magħluqa Triq Erin Serracino Inglott u Triq l-Għargħar fl-Iklin, u t-triq li tgħaqqad il-bypass ta’ Birkirkara ma’ Triq tal-Balal fin-Naxxar.
Bejn l-Erbgħa filgħodu u l-Ħamis filgħaxija mbagħad se tingħalaq parti minn Triq il-Baltiku f’San Ġwann bit-traffiku minn San Ġwann lejn Spinola u lura jiġi ddevjat għal Triq il-Baħar l-Iswed lejn Triq Michelangelo Cagiano.
L-għeluq l-ieħor jolqot lil Triq Testaferrata fil-Gżira, mill-Erbgħa sas-Sibt li ġej, li se tkun magħluqa kompletament għat-traffiku, bit-traffiku mill-Imsida jiddawwar għal Rue D’Argens, u dak mill-Gżira għall-Imsida jiddawwar lejn Triq Abate Rigord.
F’dawn it-toroq f’dawn il-jiem, il-postijiet kollha tal-parkeġġ se jitneħħew.