Toroq aħjar f’San Ġiljan u Paceville qabel is-sajf

Il-Ministeru għall-Infrastruttura qal li fil-jiem li għaddew bdiet ħidma għal xogħlijiet ta’ titjib f’għadd ta’ toroq fil-qalba ta’ San Ġiljan u Paceville, bi thejjija għas-sajf li ġej. 
Il-Ministeru ppreċiża li din il-ġimgħa, permezz ta’ xogħol bil-lejl, il-kuntratturi lestew l-asfaltar mill-ġdid ta’ Triq San Ġorġ, fil-Bajja ta’ Spinola u se jsir xogħol ieħor f’dawn l-inħawi qabel is-sajf.
Spjega li ħidmiet oħra bi tħejjija għas-sajf qed isiru fuq rotot li jwasslu għall-bajjiet ewlenin, fosthom it-toroq lejn St Peter’s Pool f’Delimara, dik li twassal għall-Mellieħa, l-Għadira, l-Armier u ċ-Ċirkewwa. Fl-istess ħin intqal li miexi sew ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tat-toroq li jwasslu għax-xtajta ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi.
Il-Ministeru qal li d-Direttorat tat-Toroq daqt se jgħaddi taħt l-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, li se tkun qed twettaq l-investiment ta’ €700 miljun fit-toroq fis-snin li ġejjin.
Ritratti – MTIP