Toronto: Minuti qabel qatel 10, ifaħħar qattiel ieħor bi mġiba sessista

Ir-raġel li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ 10 persuni f’Toronto jumejn ilu kiteb fuq Facebook ifaħħar qattiel notorju u grupp famuż, magħruf għal kif kien iħares lejn in-nisa bħala oġġett sesswali.
Alek Minassian, ta’ 25 sena, qatt ma kien magħruf mal-Pulizija bħala kriminal iżda jumejn ilu baqa’ tiela’ fuq bankina b’vann, niżel minnu u qabad jispara lin-nies. 
Minbarra l-imwiet li kkaġuna, qed ikun akkużat ukoll b’attentat ta’ qtil ta’ 13-il persuna oħra.
Filmati juru ż-żagħżugħ joħodha wkoll mal-Pulizija meta dawn iċċirkundawh, jippuntalhom il-pistola lejhom.
Il-post li kiteb Minassian minuti qabel ma allegatament wettaq dan id-delitt, kienet tfaħħar lil Elliott Rodger ta’ 22 sena, li kien atel 6 persuni f’Kalifornja fl-2014, qabel ma qatel lilu nnifsu bl-istess pistola.
Il-messaġġ kien jgħid hekk, bl-Ingliż, "The Incel Rebellion has already begun! We will overthrow all the Chads and Stacys! All hail the Supreme Gentleman Elliot Rodger!"
“Incel” tfisser persuna jew nies, aktarx irġiel, li jkollhm personalità kerha ħafna, u li jkunu jittrattaw lin-nisa bħala oġġett sesswali biss. Huma wkoll nies li jltaqgħu biex jiddiskutu n-nuqqas ta’ ħajja sesswali tagħhom, u jkunu jemmnu li qatt ma jkollhom attività sesswali għax huma koroh.
Jidher li Rodger, il-persuna li l-qattiel faħħar fuq Facebook, kien jieħu sehem fi grupp bħal dan fuq l-internet.
Mill-banda l-oħra, "Chads and Stacys" huma rġiel u nisa sbieħ, li huma meqjusa aħjar mill-“incels”.
Fil-fatt, skont il-Pulizija Kanadiża, mill-10 mejta u l-14 midruba l-biċċa l-kbira huma nisa, bl-iżgħar vittma tkun fl-għoxrijijiet tagħha, u l-akbar fit-tmeninijiet.
Il-kawża ta’ Minassian tkompli tinstema fl-10 ta’ Mejju.