Tornew tal-futbol; parti mill-mixja lura fis-soċjetà

Ġie organizzat tornew tal-futbol bejn residenti ta’ diversi komunitajiet terapewtiċi, li qed ikomplu l-mixja tagħhom lura fis-soċjetà, bis-servizz tal-Aftercare.
Dan it-tornew, organizzat mill-Caritas sar nhar it-Tnejn li għadda, fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas.
Anthony Gatt, Psikologu u Kordinatur taċ-Ċentri Terapewtiċi ta’ Caritas Malta, qal li l-isport iservi biex il-persuna tkompli tibni dixxiplina personali; tgħin biex tieħu saħħitha lura; tissaħħaħ mentalment, tesperjenza highs naturali mingħajr droga, tibni relazzjonijiet u tiżviluppa passatempi ġodda.
Insista li l-isport għandu rwol importanti fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni.
“Ma kontx naf x’qed nistenna meta talbuni nirrefja tornew tal-futbol five-aside ta’ persuni li qed isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fi ħdan is-servizzi ta’ Caritas Malta. Kont impressjonat bid-dixxiplina u l-għaqda fost dawk li pparteċipaw.” qal l-eks-Referee internazzjonali Paul Caruana, li kien wieħed fost ir-referees li volontarjament assistew il-logħob.