Tork jintefa’ l-baħar biex jaħrab mill-pulizija

Tork ta’ 32 sena lbieraħ intefa’ l-baħar biex jaħrab il-pulizija wara li rreżista l-arrest u darab surġent u kuntistabbli.

Kien għal ħabta tat-8.30 pm, meta żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Imsida mar l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida biex jirrapporta li kien qed jiġi segwit minn raġel li daħal l-għassa warajh u poġġa fuq bank.

Immedjatament is-surġent mar ikellem lill-persuna indikata miż-żagħżugħ, iżda dan minn naħa tiegħu baqa’ passiv minkejja diversi domandi li sarulu, inkluż it-talba għad-dettalji tiegħu.

Kien għalhekk li r-raġel kien infurmat bl-arrest tiegħu u ġie mwissi skont il-liġi.

Madankollu, hekk kif kien avviċinat minn żewġ kuntistabbli, it-Tork sar isteriku u tefa’ wieħed minnhom fl-art b’daqqa ta’ minkeb. Waqt li kompla jirreżisti l-arrest, kisser il-ħġieġa tal-antiporta tal-għassa u rnexxielu joħroġ minn qalb il-ħġieġ imkisser.

Il-barrani kompla jiġri lejn il-baħar, fejn x’ħin ra kuntistabbli warajh neża’ u ntefa’ fil-Port ta’ Marsamxett u beda’ jgħum lejn Manoel Island.

Hu nqabad ftit tal-ħin wara minn dgħajsa tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Is-surġent u l-kuntistabbli li ndarbu waqt li kienu qed jippruvaw jarrestaw ir-raġel ittieħdu ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, fejn kienu ċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.