Toqrob id-data li Malta mistennija tirċievi l-vaċċin – Fearne

Chris-Fearne
Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li d-data li fiha l-Gvern se jirċievi l-vaċċin issa resqet iktar viċin u l-ewwel konsejna mistennija tasal dan ix-xahar. B’hekk, l-ewwel tilqim se jsir bejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla.

Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjoinalista David Thake, Fearne qal li dan seħħ wara li l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea ġiet antiċipata għall-21 ta’ Diċembru.

Id-Deputat Prim Ministru qal li aħbar tajba oħra hi li fis-sigħat li għaddew, l-FDA (Food and Drug Administration) tal-Amerka approva l-vaċċin tal-Moderna. Hu spjega li dan ifisser li fil-ġimgħat li ġejjin dan se jkun disponibbli fl-Ewropa.

Fearne spjega li l-Gvern xtara nofs miljun doża mill-kumpanija Pfizer, kif ukoll 700,000 doża tal-vaċċin tal-Moderna.

“Il-każijiet qed jonqsu imma kull każ hu problema”

Il-Ministru għamel analiżi tas-sitwazzjoni preżenti fejn stqarr li n-numru ta’ każijiet attivi neżlin ġurnata wara l-oħra.

“Kien hemm żmien fejn in-numru ta’ każijiet attivi kien jaqbeż l-2,000. Illum il-każijiet attivi huma madwar 1,710. Ma jfissirx li nistgħu nirrilaxxaw. Għalija kull każ ġdid hu problema. Għalija kull min jidħol l-isptar hu problema. Kull mewt hija traġedja. Kull sforz li jsir biex tiġi evitata mqar mewta waħda hija vallapena. Jien nifhem in-negozji qed jagħmlu s-sagrifiċċji. Iżda sakemm in-numri juruna li dawn is-sagrifiċċji jridu jibqgħu jsiru, hemm bżonn li nibqgħu nagħmulhom,” stqarr il-Ministru.