Top Gun: Maverick milqut mill-coronavirus

Il-film Top Gun: Maverick hu produzzjoni oħra milquta mill-coronavirus wara li tħabbar li mhux se joħroġ għall-wiri fl-24 ta’ Ġunju kif kien maħsub, 34 sena eżatt minn meta kien ħareġ l-oriġinali fl-1986. Issa hemm il-ħsieb li joħorġuh fit-23 ta’ Diċembru.

Tom Cruise, l-attur prinċipali li jirritorna bħala Pete ‘Maverick’ Mitchell, ħabbar lill-ammiraturi tiegħu li issa se jkollhom jistennew ftit ieħor biex jarawh itir bl-ajruplan. L-attur kiteb li “naf li ħafna minnkom ilkom tistennew 34 sena … imma b’xorti ħażina se jkollkom tistennew ftit ieħor. Top Gun: Maverick se jtir f’Diċembru li ġej.”

Val Kilmer fil-film jerġa’ jaħdem il-parti ta’ Tom ‘Iceman’ Kazansky waqt li Jon Hamm, Lewis Pullman u Charles Parnell jiddebuttaw fih.

Ta’ min ikun jaf ukoll li film ieħor ta’ Tom Cruise, Mission: Impossible 7 li kien qed jinġibed f’Venezja, twaqqaf minħabba l-biża’ mill-pandemija li ħakmet lill-Italja.

Films oħra li laqqtuha minħabba l-coronavirus kienu Morbius mill-Marvel, film ieħor tal-Ghostbusters u Peter Rabbit 2. Dawn kollha se jinħarġu s-sena d-dieħla minflok matul dan is-sajf.

Il-film No Time to Die, l-aħħar wieħed fis-sensiela ta’ James Bond, suppost kellu jibda jintwera din il-ġimgħa.

Il-blockbusters ta’ Disney, Mulan u Black Widow ukoll ntefgħu lura.