Tony Zarb jinsisti li kien ħaqqu Ġieħ ir-Repubblika

Tony Zarb, f’wieħed mill-vloggs magħrufin tiegħu, qal li kien denju li jingħata Ġieħ ir-Repubblika għax ħadem għall-ħaddiema u għal Malta, u m’għamilx ħsara lill-pajjiż.

F’dan il-vlogg, Tony Zarb iddefenda ġieħu wara numru ta’ nies insistew li għandu jittiħidlu Ġieħ ir-Repubblika u għandu jieqaf jagħmel il-vloggs. Dawn il-kummenti segwew dak li qal hu fuq il-midja soċjali fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Fil-filmat, l-eks Segretarju tal-General Workers’ Union, qal li wara li ħa numru ta’ pariri mingħand ħbieb ġenwini biex joqgħod attent mill-“forzi tad-dlam” li jikkontrollaw Malta, iddeċieda li se jibqa’ jikkummenta fuq Facebook imma b’aktar attenzjoni.  Huwa sostna li ma jistax jieqaf ikun il-leħen ta’ dawk li “jiġmgħu ġo fihom il-ħsara ta’ pajjiżna.”

Zarb kompla jgħid li jiddispjaċih li t-turisti li jiġu f’Malta jiltaqgħu ma’ attitudni Maltija li hi dispreġġjattiva lejn Malta, filwaqt li Malta qiegħda “fl-aqwa żmien.”