Tony Zahra qed jirredikola lill-ħaddiema tas-saħħa – AD

Read in English.

L-Alternattiva Demokratika qalet li Tony Zahra qed jirredikola lill-ħaddiema tas-saħħa.

Fi stqarrija l-AD qalet li filwaqt li l-ħaddiema qed jagħmlu s-sagrifiċċji minħabba s-saħħa tal-poplu, Zahra li huwa rappreżentant tal-industrija tat-turiżmu qed ikun irresponsabbli.

“Bħalissa hawn ‘il fuq 300 ħaddiem mill-qasam tas-saħħa li qegħdin kwarantina, propju għax poġġew id-dover u d-dmir l-ewwel. Huwa għalhekk li huwa d-dmir tagħna lkoll li nibqgħu kawti u attenti biex is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll. Huwa wkoll obbligu tal-awtoritajiet u fl-aħħar mill-aħħar tal-Ministri u tal-Prim Ministru li ma’ jeħdux deċiżjonijiet mgħaġġla u li ma jagħtux eżempju ħażin b’konferenzi stampa bl-addoċċ l-aqwa li jidhru fil-mezzi tax-xandir,” qalet l-AD.

Il-partit qal li l-messaġġi li qed jingħataw mill-Prim Ministru waqt attivitajiet tal-Partit Laburista qed joħolqu t-taħwid, għax xi drabi jikkuntrastaw mal-messaġġi uffiċċjali tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Is-Segretarju Ġenerali tal-AD Ralph Cassar qal li Tony Zahra qed jimminimizza u jipprova jirredikola l-isforzi li qed jagħmlu l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.

“Tony Zahra irid jifhem li ftuħ immedjat u bl-addoċċ tal-istaġun turistiku jġib fix-xejn l-isforzi u s-sagrifiċċji li saru minn kulħadd fl-aħħar ġimgħat. Kien ikun aħjar li jsir sforz biex l-industrija tat-turiżmu ma’ tibqax tiddependi fuq kważi tlett miljun turist fis-sena, li żgur mhux numru sostenibbli,” qalet l-AD. Temmet tgħid li jkun aktar għaqli li Zahra jara wkoll li l-ħaddiema fil-qasam turistiku ma jibqgħux jitħallsu “biċ-ċiċri”.

Reċentament, l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) appellat lill-Gvern sabiex jiftaħ l-ajruport għax jekk ma jagħmilx dan qed jirriskja li eluf ta’ persuni jispiċċaw bla xogħol għal perjodu twil.

Madanakollu, jidher li l-awtoritajiet ma ċedewx għat-talba tal-MHRA hekk kif l-ajruport ta’ Malta sa jibqa’ magħluq mill-inqas sal-15 ta’ Ġunju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn