Tony Abela lura fil-Parlament wara li jirbaħ l-elezzjoni każwali

In-nutar Tony Abela ħa l-ġurament tal-ħatra bħala membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Dan wara li iktar kmieni fil-jum tat-Tnejn, huwa rebaħ l-elezzjoni każwali fis-seba' distrett elettorali, li saret biex jimtela’ l-post battal li ħalla l-eks-Ministru Nazzjonalista Joe Cassar li fil-ġranet li għaddew irriżenja mill-Parlament.
Tony Abela ġie elett fir-raba’ għadd tal-voti meta ġab total ta’ 1,978 vot wara li akkwista aktar voti minn Philip Mifsud, li b’kollox ġab 1,892.
Abela rebaħ is-siġġu Parlamentari għalkemm ma laħaqx il-kwota li kienet ta’ 2,038 vot.
Apparti Tony Abela u Philip Mifsud, għal din l-elezzjoni każwali kkontestaw ukoll l-eksdeputat Peter Micallef u l-Kunsillier tar-Rabat David Vassallo.
Għal din l-elezzjoni każwali seta’ jikkontesta wkoll is-Sindku preżenti tal-Mosta Edwin Vassallo, li iżda ddeċieda li ma jitfax in-nomina.
Tony Abela għamel żmien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari bejn l-2003 u l-2008 u qabel din l-elezzjoni każwali kien ġie elett erba’ darbiet fl-1987, 1996, 1998 u l-2003.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut