Tonqoslu s-sentenza wara li faqa’ tazza f’wiċċ barman

Is-sentenza ta’ ħabs ta’ raġel li faqa’ tazza f’wiċċ barman tnaqqsitlu s-sentenza mill-Qorti tal-Appell.

Srdan Simic, Serb ta’ 24 sena kien tressaq akkużat li kkawża ġrieħi gravi lil Ryan Magro fl-2017. Is-sentenza tiegħu tnaqqset b’sena. Magro kien sofra ġrieħi f’għajnejh li rriżultaw f’diżabilità permanenti ta’ 30%.

Simic appella s-sentenza għax qal li kien hemm elementi ta’ preġudizzju fid-deċiżjoni tal-każ għax hu barrani. Minħabba f’hekk qal li ma kellux smigħ ġust. Qal li d-diżabilità permanenti fuq il-vittma ma kinitx b’riżultat tad-daqqa tiegħu. Il-Qorti insistiet li l-frak tal-ħġieġ kien daħal f’għajnejn Magro.

Uffiċċjal tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qal li Simic kien “ħabsi eżemplari” li dejjem ikkopera. Il-Qorti rreferiet għal rapporti mediċi li juru li l-vittma għad għandu biċċiet tal-ħġieġ f’għajnejh sal-lum u se jibqa’ hekk ħajtu kollha.

Il-Qorti kkunsidrat ix-xhieda tal-uffiċċjal tal-ħabs. Qalet li tibqa’ tinkoraġġixxi lill-persuni li fehmu r-responsabbiltajiet tagħhom. Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li tnaqqas is-sentenza ta’ ħabs minn ħames snin għal erba’.

L-Imħallef Aaron Bugeja kien qed jippresjedi l-każ.