Tonqoslu s-sentenza tal-ħabs wara li nstab ħati li kkaġuna l-mewt ta’ żagħżugħ

Il-Qorti tal-Appell naqqset sena ħabs lir-raġel ta’ 55 sena li kien instab ħati li f’Lulju tas-sena l-oħra kkaġuna l-mewt ta’ żagħżugħ ta’ 23 sena. Huwa kien intbagħat sentejn ħabs.
Il-każ seħħ fl-2007 meta kien rama krejn mingħajr peremss tal-Kunsill Lokali fi Triq Għajn Qatet, fir-Rabat Għawdex. Ftit tal-ħin wara li rama l-krejn iż-żagħżugħ ħabat ma sieq il-krejn li kienet ħierġa ’l barra f’nofs ta’ triq. Mal-ħabta l-krejn inqaleb fuq ġenb u l-blokki tal-konkos inqalbu fuq is-saqaf tal-karozza.
Iż-żagħżugħ kien miet fuq il-post. Minn eżamijiet li saru fuq iż-żagħżugħ kien instab li kellu sustanza ta’ ecstasy.
Fil-Qorti kien ħareġ li r-raġel naqas milli jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji meta rama l-krejn.
Min-naħa tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li n-negliġenza li seta’ kien hemm min-naħa tal-vittma, ma kinitx il-kawża prinċipali tal-inċident, u għalhekk ir-raġel jibqa’ responsabbli kriminalment. Madankollu l-Qorti tal-Appell qieset li kien hemm traskuraġni min-naħa tal-vittma u laqgħet it-talba tar-raġel b’mod parzjali u naqqset sena ħabs lir-raġel.