Tonqos it-tama li jinstabu iktar passiġġieri

Fiċ-Ċina, qed tonqos it-tama li l-iktar minn 400 persuna abbord il-vapur li għereq nhar it-Tnejn, jinstabu ħajja.
Fl-aħħar ħin, ġew ikkonfermati li mietu 18-il persuna u ġew salvati 14 oħra, inkluż tnejn ilbieraħ filgħaxija, imma fadal iktar minn 400, il-parti l-kbira tagħhom anzjani, li għadhom maqbuda fil-cruiseliner.
Il-Gvern Ċiniż qed iħeġġeġ lill-ħaddiema tas-salvataġġ biex jibqgħu jfittxu sakemm jibqa’ l-iċken tama li jinstabu iktar persuni ħajja.
Il-vapur intlaqat minn maltempata qawwija fix-xmara, beda jinqaleb fuq ġemb u għereq fi ftit minuti.
Ħaddiema kienu qed jikkunsidraw iqattgħu l-qiegħ tal-vapur, li spiċċa rasu ‘l isfel, għax sal-bieraħ kienu qed jisimgħu xi vuċijiet. Madankollu, il-maltemp fl-inħawi qed ikompli jtellef il-ħidma ta’ salvataġġ.