Tonqos ir-rata ta’ inċidenti fatali fit-toroq

Il-Ministru għas-Sigurtà Soċjali Carmelo Abela qal li l-Kummissjoni Ewropea semmiet kif  Malta kisbet suċċess fit-tnaqqis ta’ fatalitajiet fit-toroq fl-aħħar ħames snin, bit-tnaqqis irreġistrat ikun ta’ 27%, li huwa ir-raba’ l-ogħla tnaqqis fl-EU.
Waqt attività biex jitqajjem għarfien fuq it-traffiku u s-sigurtà fil-komunitajiet, fiż-Żejtun organizzata mill-Kunsill Lokali Abela qal li l-Pulizija flimkien maċ-Ċentri ta’ matul il-Jum għall-Anzjani għamlu sessjonijiet edukattivi fuq is-sigurtà fit-toroq mal-anzjani.
Spjega li madwar 37,000 persuna ‘l fuq mill-età ta’ 65 sena għandhom il-liċenzja valida tas-sewqan.
Is-Segretarju Parlamenari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo kkundanna l-aggressjoni li seħħet il-bieraħ fuq gwardjan lokali, li sofra ksur waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Fakkar kif id-dixxiplina fit-toroq hija bżonnjuża għax meta wieħed josserva r-regolamenti tat-traffiku, ikun qed jevita periklu bla bżonn. 
Ritratt: DOI: Reuben Piscopo