Tonqos il-produzzjoni tal-qamħ

Il-produzzjoni tal-qamħ fir-Russja għal din ir-Rebbiegħa mistennija waħda mill-aktar diffiċli fl-aħħar snin wara li temp kiesaħ ħafna fir-reġjuni ċentrali u fil-madwar tal-Volga prattikament waqqaf dan it-tkabbir bi ħmistax sa tliet ġimgħat.
Aktar minn hekk,  il-fatt li l-borra baqgħat nieżla għal ftit ġimgħat aktar mis-soltu, tat anqas ċans lil bdiewa fl-ikbar esportatur tad-dinja biex jiżirgħu l-qmugħ tar-Rebbiegħa.
Skont l-Istitut agrarju tal-pajjiż, il-produzzjoni Russa mistennija tkun sa 10% inqas mis-sena li għaddiet, ekwivalenti għal madwar 75 miljun tunnellata metrika. Meta dan jingħaqad mal-fatt li anke fl-Istati Uniti l-produzzjoni ma laqħitx il-livelli mistennija, il-produzzjoni globali mistennija tonqos għall-ewwel darba fl-aħħar tliet snin, iżda xorta tibqa’ qrib il-medja, b’mod partikolari grazzi għal żieda fil-produzzjoni fl-Awstralja. 
Dan għandu jwassal biex ma jkunx hemm żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-qmugħ, li imbagħad jaffettwaw bosta prodotti komuni li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum, fosthom il-ħobż, id-dqiq u l-għaġin. 
Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, sal-ewwel tliet xhur tas-sena, iż-żidiet reġistrati fuq livell globali kienu ta’ madwar 2.5%.

Dħul akbar għal Credit Suisse

Il-ġgant bankarju Svizzeru Credit Suisse rrapporta dħul ta’ 694 Frank Svizzeru għall-ewwel kwart tas-sena, żieda ta’ 16% fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan jirrappreżenta l-aħjar riżultat fl-aħħar ħdax-il perjodu ta’ tliet xhur.
Il-kumpanija spjegat li dan ir-riżultat kien frott tisiħ tal-bażi tal-kapital tal-kumpanija u mudell kummerċjali intiż li jiġġenera l-kapital fuq medda itwal ta’ żmien b’riskju aktar baxx. Is-suċċess kien ukoll dovut għal prestazzjoni b’saħħitha ta’ diversi mis-sussidjarji tal-Bank, fosthom International Wealth Management, Asia Pacific u Swiss Universal Bank. Il-Bank spjega wkoll li wara tliet snin ta’ ristrutturar, din kienet se tkun is-“sena tal-aċċellerazzjoni”
Min-naħa l-oħra, sussidjarji ta’ Credit Suisse li rrappurtaw tnaqqis fid-dħul kienu Corporate Center, Investment Banking & Capital Markets u Global Markets.
F’analiżi tas-setturi tal-operat tal-bank, l-aktar qasam li rrenda tul l-ewwel kwart kien dak tal-wealth managementli ġġenera madwar 80% tal-profitti fl-ewwel kwart tas-sena, u bbenefika mit-tkabbir fl-ekonomija globali b’mod partikolari fis-swieq tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fir-reġjun tal-Ażja u l-Paċifiku. 
Is-settur bankarju tradizzjonali, li fl-aħħar snin kien bata biex irranka, ukoll kellu titjib, minkejja li fuq livelli aktar marġinali.
 
Ir-Renju Unit tikkunsidra “GPS” rivali

Ir-Renju Unit qed jikkunsidra jinvesti fit-twaqqif ta’ sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita bħala rivali tal-proġett tal-UE Galileo. Dan wara li kien żvelat li l-Unjoni qed tippjana li tillimita l-aċċess lir-Renju Unit għal informazzjoni ta’ sigurtà sensittiva wara Brexit.
Il-programm tas-satelliti Galileo, proġett ta’ 10 biljun ewro, ġie żviluppat bħala rivali għall-Global Positioning System (magħruf aħjar bħala GPS) tal-Istati Uniti. Hu mifhum li l-Gvern tar-Renju Unit qed jieħu parir legali dwar il-possibilità li jitlob lura 1.4 biljun ewro li investa fil-proġett sa mill-2003.
Il-Kummissjoni Ewropea bdiet teskludi r-Renju Unit u kumpaniji tagħha minn xogħol futur sensittiv, deċiżjoni li l-Ministru tan-Negozju tar-Renju Unit, Clark, iddeskriva bħala waħda li xxekkel u tista’ tagħmel il-ħsara lill-kollaborazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża bejn iż-żewġ naħat. 
L-industrija spazjali tar-Renju Unit qed tikber erba’ darbiet b’rata aktar mgħaġġla minn dik tal-bqija tal-ekonomija tal-pajjiż. Il-pjan tal-Gvern huwa li sal-2030 ir-Renju Unit jkollha terz tas-suq globali f’dan is-settur, li jammonta għal valur ta’ madwar 40 biljun sterlina.
Fost kumpaniji li mistennija jiġu milquta minn din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, hemm CGI, kumpanija ta’ software encryption kif ukoll Airbus. Fil-preżent, il-Kummissjoni għandha tenders ta’ valur ta’ 3 biljun ewro biex tkompli l-konstellazzjoni tas-satelliti.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.netTel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment