Tonqos il-preżenza ta’ bastimenti Russi f’Malta

Mill-Arkivji

Matul l-aħħar sena, naqset il-preżenza ta’ bastimenti militari Russi f’Malta.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li s-sena li għaddiet kien hemm bastimenti wieħed biss li daħal fil-Port il-Kbir b’differenza mis-sena 2016 fejn daħlu tmien bastimenti.

Il-preżenza tal-bastimenti militari Russi f’Malta ddaħħlet f’kontroversja sħiħa waqt l-aħħar kampanja elettorali meta il-Prim Ministru Joseph Muscat kien rabat il-kwistjoni Egrant mal-President Russu Vladimir Putin. Dan wara li l-Gvern ma laqgħax talba tar-Russja biex bastimenti tal-gwerra jidħlu għall-fjuwil f’Malta.

Min-naħa l-oħra, kienu erbgħa l-bastimenti Amerikani li daħlu fil-Port il-Kbir bejn din is-sena u s-sena li għaddiet.

It-tagħrif ġie ppubblikat fil-Parlament għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.