Tonqos bi ftit il-produzzjoni ta’ frott u ħaxix fis-sajf

Bejn Lulju u Settembru, il-gżejjer Maltin ipproduċew b’0.6% inqas frott u ħaxix mill-istess tliet xhur tas-sena li għaddiet.
Dan wassal biex il-bejgħ tal-produzzjoni agrikola waqa' b’6.2%.
Ċifri tal-NSO juru li waqt li l-ħaxix ra żieda żgħira ta’ 0.2% bħala kwantità li tkabbret, dan ġab 4% inqas fil-prezz għal total ta’ €3.9 miljun.
Min-naħa l-oħra, l-għelieqi Maltin taw 13% inqas frott fit-tliet xhur tas-sajf bil-bejgħ jonqos b’€500,000 fuq tliet xhur.
Bejn Lulju u Settembru, l-għelieqi fil-pajjiż taw iktar kaboċċi, pastard u dulliegħ imma inqas ħass u bettieħ.
Fejn jidħol il-frott, kien hemm tnaqqis qawwi ta’ 61.3% fit-tkabbir tal-frawli, tnaqqis ieħor sinjifikanti ta' 35.2% għall-bambinell u tnaqqis iżgħar ta' 3.9% fejn jidħol l-għeneb.
Fuq bażi reġjonali, il-gżira ta’ Malta pproduċiet 10.6 miljun kilogramma ta’ frott u ħaxix għall-bejgħ ta’ €3.8 miljun, waqt li f’Għawdex tkabbru b’1.5 miljun kilogramma għall-prezz ta’ €600,000.