Tonqos b’4% il-lista ta’ stennija għad-djar tal-anzjani

Il-lista ta’ stennija għas-servizzi residenzjali tal-anzjani naqset b’4%.
Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Justyne Caruana meta żaret id-dar tal-anzjani fil-Mosta.
Ħabbret ukoll li l-lista ta’ stennija biex wieħed jiġi eżaminat għas-servizz residenzjali naqset minn 70% għal 41%.
Fil-Mosta, Justyne Caruana, inawgurat proġett ta’ salon tax-xagħar, li minnu se jibbenefikaw 68 anzjan u anzjana residenti fid-dar.
Semmiet ukoll li minbarra r-residenza tal-Mosta, djar tal-anzjani oħra li se jibbenefikaw minn rinovar huma dawk taż-Żejtun, tal-Mellieħa, ta’ Bormla, tal-Imtarfa, tal-Imsida u tal-Furjana.
Fost ir-rinovar semmiet l-estensjoni tar-residenza tal-Imtarfa fejn se jiżdiedu 25 sodda speċjalizzati għall-anzjani li jbatu bid-dimensja. Ħabbret ukoll li se jsir rinovar estensiv tas-sala l-kbira tan-nisa fid-dar tal-Imtarfa. 
Ritratt: DOI – Pierre Sammut