Tonna u Cini sospiżi mill-Bord tal-Accountancy

Read in English.

Il-Bord tal-Accountancy issospenda il-warrants ta’ Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, ftit jiem wara l-arrest tagħhom, wara li ġie deċiż li se jibda proċess dixxiplinarju kontrihom.

Il-bord issospenda iwkoll iċ-ċertifikati tal-prattika li jippermettu ż-żewġ irġiel jeżerċitaw il-prattika tal-awditjar. Ir-reġistrazzjoni ta’ Nexia BT ukoll ġiet sospiża, flimkien ma’ dik tas-sussidjarji tagħha BTI Management Limited u Nexia BT Advisory Services Limited.

Fi stqarrija qasira, il-bord qal li d-deċiżjoni tiegħu ittieħdet “wara l-għeluq tal-inkjesta maġisterjali tal-Maġistrat Natasha Galea Sciberras u żviluppi relatati.” L-inkjesta ta’ Galea Sciberras eżaminat allegazjonijiet li Keith Schembri, li kien chief of staff ta’ Joseph Muscat, ixxaħħam minn fuq il-bejgħ tal-passaporti bl-għajnuna ta’ Nexia BT.

Tonna hu l-fundatur u l-managing partner tan-Nexia BT, filwaqt li Cini hu l-partner responsabbli tat-taxxa u s-servizzi internazzjonali. It-tnejn li huma kienu fiċ-ċentru tal-kontroversja fl-aħħar snin, wara li l-Panama Papers kixfu kif għenu biex Schembri u l-eks ministru Konrad Mizzi jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Inkixfu wkoll emails fejn intqal li l-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri kienu se jirċievu eluf ta’ euros kuljum minn żewġ kumpaniji sigrieti oħra rreġistrati fl-Emirati Għarab Magħquda, 17 Black u MacBridge. Ġie kkonfermat li 17 Black kienet il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech, l-ex kap eżekuttiv tat-Tumas Group li hu akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, filwaqt li sid MacBridge għadu ma ġiex ikkonfermat b’mod konklussiv.

L-għeluq tal-inkjesta tal-Maġistrat Galea Sciberras wassal biex il-qorti tordna sekwestri tal-assi tat-tlett irġiel, kif ukoll ta’ persuni oħrajn minn Nexia BT u mill-kumpanija ta’ Schembri Kasco. Id-digriet inħareġ ukoll kontra l-familjari ta’ dawn il-persuni u kontra kumpaniji relatati.

L-arrest tat-tlett irġiel sar ftit sigħat wara li ħareġ id-digriet. It-tlieta nħarġu fuq police bail wara li ġew interrogati.

Skont l-Att dwar il-Professjoni tal-Accountancy, detenturi ta’ warrant biss jistgħu jaħdmu bħala accountants. Il-Bord tal-Accountancy ġiet imwaqqfa bis-saħħa tal-istess att biex tirregola il-professjoni u biex tieħu ħsieb il-ħruġ – u t-tneħħija fejn hemm bżonn – tal-warrants.