Tonio Fenech jirbaħ libell kontra l-Partit Laburista

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat, Glenn Bedingfield u l-President tal-Partit Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi ġew ordnati jħallsu €4,000 lill-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech.
Dan wara li Qorti sabet rapporti ppublikati fuq il-midja tal-Partit Laburista bħala malafamanti.
L-eks Ministru fetaħ libell fuq rapport bit-titlu “Favur li jiswa’ €70,000” u li xxandar fil-bulettin ta’ One f’Novembru tal-2009.  Dan apparti stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista f’Mejju tal-2011 bit-titlu “Ballun f’saqajn il-Prim Ministru.”
Il-każ hu dwar xogħlijiet li saru fid-dar ta’ Tonio Fenech. Il-kuntratturi JPM Brothers kienu qabdu lil Rainbow Turkney Projects, propjetà ta’ Charles Magro, biex iwettqu x-xogħol iżda minħabba diżgwid ix-xogħol kien waqaf ħesrem. Magro kien ippretenda li jitħallas xorta.
Il-każ spiċċa quddiem il-General Workers Union fejn is-Segretarju Ġenerali ta’ dak iż-żmien, Tony Zarb, kien ħa l-każ quddiem is-Segretarju Personali tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Skont ir-rapporti, Magro kellu jitħallas mal-€20,000.
Kien hawn li Magro allega li l-kuntratturi kienu qalulu li x-xogħol fid-dar ta’ Fenech kien sar bi pjaċir biex jgħinhom jbiegħu s-sit tal-lukanda Jerma.
Dawn l-allegazzjonijiet ġew imxandra mill-midja tal-Partit Laburista u mill-Uffiċċju Kommunikazzjoni tal-partit.
Il-Qorti kkonkludiet li Magro ma kellux biżżejjed provi biex juri dak li allega u anke dwar l-€20,000 li fi kliemu kellu jitħallas.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale innota li Magro tefa’ dell ikrah fuq il-Ministru b’diversi kummenti fuq il-midja soċjali.
“Huwa ħsara li l-politiċi jagħtu importanza lil bies bħal Charles Magro li lesti jħammġu lil kulħadd biex ikunu jistgħu jiggwadanjaw finanzjarjament,” qal il-Maġistrat.
Glenn Bedingfield se jkun qed iħallas €3,000 filwaqt li l-Prim Minstru u Stefan Zrinzo Azzopardi kienu ordnati jħallsu €1,000 bejniethom.