Tonio Fenech iħeġġeġ lill-Kunsilliera tal-PN jitgħallmu mir-riżultat elettorali

F’email lill-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, l-ex-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech jgħid li filwaqt li filwaqt li r-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali kien daqqa kbira għal kulħadd fi ħdan il-partit, dan ma jfissirx li għandhom jaqtgħu qalbhom u jieqfu hemm. Jgħid li l-kunsilliera u l-membri tal-partit iridu jifhmu tassew x’inhuma r-raġunijiet li wasslu biex numru ta’ nies jitbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista.

Tonio Fenech jgħid li ma jfissirx li għax il-PN tilef, it-tant tajjeb li sar issa jintrema. Isemmi kif kien il-Partit Nazzjonalista li fl-eqqel ta’ kriżi internazzjonali ħalla lil pajjiż b’ekonomija b’saħħitha, finanzi fis-sod, u xogħol ta’ kwalità aħjar f’diversi setturi ġodda. Tonio Fenech jgħid li ħafna minn dan inkiseb b’tim Ministerjali u Parlamentari żagħżugħ, li għad fadallu ħafna x’joffri lill-Partit u lil pajjiż.

L-ex-Ministru tal-Finanzi jgħid li l-partit irid jitgħallem minn dan ir-riżultat u jaħdem biex jibqa’ dejjem relevanti.