“Toni Abela ma kellux ċans jiċċara l-allegazzjonijiet”

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant faħħar l-integrità politika ta’ Dr Toni Abela, iżda sostna li ma jistax jaqbel mal-iskrutinju li ngħatat in-nomina tiegħu għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Waqt id-diskors tiegħu dwar ir-rapport tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fuq il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Alfred Sant qal li ta’ sikwit jiġri, li elementi anonimi jorganizzaw kampanja biex inaqqsu mill-valur tal-persuna nominata.
Żied jgħid li dan jagħmluh billi jallegaw aġir diżonorabbli jew kriminali. Saħaq li fil-każ ta’ Dr Abela, is-smigħ kien qasir u l-allegazzjonijiet kontra tiegħu ma setgħux jiġu kjarifikati.
Alfred Sant tenna li Abela ma kienx trattat b’mod ġust u appella lill-Parlament Ewropew, li jekk jixtieq li s-smigħ tan-nomini jsir bis-sens għandu jikkunsidra kif qed jitwettaq.
Spjega li meta jitqajmu allegazzjonijiet ta’ aġir kriminali, dawn għandhom ikunu kkunsidrati separatament minn ġurija onorarja.
“Dan sabiex is-smigħ ikun jista’ jikkonċentra fuq il-ħiliet politiċi, professjonali u personali tal-persuna nominata,” temm jgħid  Dr Sant.