Tommy ma jridx jaħsel snienu

Tommy għandu sitt snin u ma jkunx irid jaħsel snienu qabel jorqod. Il-ġenituri jgħidulu fuq li jgħidulu biex jaħsilhom. Xi drabi kkastigawh meta jtellagħhomlhom, u drabi oħra anki tawh xi premju meta ħasilhom, imma l-ebda waħda mis-soluzzjonijiet differenti li ppruvaw ma ħadmet.

Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għala Tommy ma jaħsilx snienu. Jista’ jkun li jkun irid jippika jew għax jibża’ jew inkella għax ma fehemx biżżejjed għaliex importanti li jaħsilhom. Ejja ngħidu li r-raġuni hija għax għadu ma fehemx għaliex hu importanti li jaħsilhom.

Il-ġenituri jridu l-ewwel jispjegaw lil Tommy, naturalment b’mod sempliċi u bi kliem li jifhem hu, li meta nieklu xi ftit ikel jeħel bejn is-snien u matul l-lejl dan jitħassar u jħassar ukoll is-snien.

Iridu jgħidulu wkoll li ħafna ħelu jew ħafna zokkor jagħmel ħafna ħsara. Għalhekk il-ġenituri jridu jiftiehmu ma’ Tommy li jekk ma jaħsilx snienu allura ma jistax jiekol ħelu, ċikkulata jew kejkijiet, eċċ. Importanti li jgħidulu darba u jkunu ċerti li fehem x’għandu jagħmel u għaliex. Ma hemmx għalfejn joqogħdu jfakkruh, imma jridu dejjem jispiċċaw: “Issa agħżel int!”

Minn dan il-metodu Tommy jista’ jitgħallem diversi affarijiet, pereżempju jitgħallem jieħu responsabbiltà, jitgħallem kif jieħu deċiżjonijiet, jitgħallem x’konsegwenzi jista’ jkun hemm għal għemilu (jew għan-nuqqas ta’ għemil). Imma fuq kollox se jitgħallem jagħżel.

Probabbli li fl-ewwel ġurnata ma jaħsilhomx, anki għax forsi jkun irid jittestja lill-ġenituri tiegħu. Iżda meta l-għada jitlobhom il-ħelu jew iċ-ċikkulata, il-ġenituri kulma għandhom jgħidulu huwa (b’ton ġentili u mhux irrabjat): “Tommy, int stess għażilt li ma taħsilx snienek. Konna ftehimna bejnietna x’jiġri jekk ma taħsilhomx. Allura x’tista’ tagħmel biex tkun tista’ tieħu l-ħelu?” U jieqfu hemm!

Meta l-ġenituri jżommu sod ma jkunux qed ikunu kattivi jew pikużi imma konsistenti. Jekk il-ġenituri jirnexxilhom ikunu konsistenti, żgur li Tommy se jibda jifhem u jitgħallem jagħżel tajjeb. Ikun tgħallem ħila. Niftakru li kull ħila ġdida trid bejn sitta u tmien ġimgħat ta’ prattika biex tiġi assimilata. Bil-paċenzja u bl-imħabba naslu!

Marija tħalli kollox mal-art

It-tieni każ hu dak ta’ Marija, ta’ tnax-il sena, li dejjem tħalli l-affarijiet tagħha mal-art u ma tiġborhomx. Ommha tgerger li kultant lanqas tkun tista’ tidħol fil-kamra tagħha bl-affarijiet jiġru fin-nofs. Minkejja li kuljum tgħidilha biex tnaddaf il-kamra tagħha, bintha xorta tħallihom hemm u ommha tispiċċa dejjem tiġbor kollox hi – li ma għandux ikun.

Bħall-każ ta’ qabel, ilkoll nafu li t-tgergir u l-għajjat ma jwasslu għal imkien. Mela kif se tagħmel l-omm?

L-omm trid tiftiehem ma’ Marija li r-responsabbiltà tal-kamra hija tagħha (ta’ Marija) u li l-omm beħsiebha tħalli l-kamra f’idejha. Hawn ukoll importanti li l-omm iżżomm kelmitha.

Allura x’tagħmel l-omm meta tiġi biex taħsel l-art tal-kamra ta’ Marija? Tħalli kollox kif ikun u ma taħsel xejn? L-omm hawnhekk tista’ tiġbor kulma jkun hemm fl-art u tqiegħdu f’kaxxa waħda (fl-art ukoll) imbagħad tħalli f’idejn it-tifla biex tieħu ħsieb hi.

Veru li għall-bidu xorta t-tifla tista’ ma tiġbor xejn, imma meta tibda ssib ħwejjeg, kotba, żraben, pitazzi, eċċ. ġo kaxxa waħda fl-art żgur li mhux se tieħu pjaċir u se jkollha tibda tara x’se tagħmel. Jekk it-tifla tibda tgħajjat jew tgerger, l-omm ma għandhiex tirrispondi.

Meta mbagħad Marija tikkalma, tista’ tgħidilha, “Marija, aħna ftehimna, għalhekk kont int stess li għażilt hekk.” Meta t-tifla tara li ommha żżomm kelmitha, u titgħallem li hi trid terfa’ l-konsegwenzi ta’ għemilha, allura hemm tibda titgħallem.

Kif diġà għedna drabi oħra, it-tfal aktar jitgħallmu meta jgħaddu mill-esperjenza huma stess milli meta jisimgħu l-prietki tagħna!

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Dicembru