Tomas Borg u Maja Theuma se jieħdu sehem fil-Para Swimming f’Londra

L-għawwiema Maltin Tomas Borg u Maja Theuma se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati tad-Dinja tal-2019 tal-Para Swimming ġewwa l-London Aquatic Centre.

Borg u Theuma, li jitħarrġu taħt il-gwida ta’ Tim Hartley u Edward Caruana Dingli fil-klabb ta’ Exiles SC, irċivew invit biex jipparteċipaw f’ dawn il-logħob prestiġġjużi mill-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali wara r-riżultati pożittivi li akkwistaw tul l-istaġun li għadda.

Dan jinkludi l-World Para Swimming World Series ġewwa Lignano Sabbiadoro fl-Italja u l-Kampjonati Nazzjonali tal-Aquatic Sports Association of Malta.

Borg u Theuma ipparteċipaw fil-World Series f’Mejju li għadda biex jikkonfermaw il-klassifikazzjoni tagħhom tal-għawm paralimpiku. Il-klassifikazzjoni S9 għal Borg u S6 għal Theuma ġew ikkonfermati biex b’hekk it-tnejn ġew klassifikati u liċenzjati biex jikkompetu f’logħob organizzat mill-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali.

Theuma se tkun qed tieħu sehem fil-100m Backstroke S6 fit-12 ta’ Settembru u fil-50m Freestyle S6 fit-13 ta’ Settembru, waqt li Borg se jipparteċipa fil-100m Breaststroke SB9 u l-200m Individual Medley SM9 fl-14 ta’ Settembru u fil-50m Freestyle fil-15 ta’ Settembru. Huma qed ikunu akkompanjati mill-kowċ tagħhom Caruana Dingli.