“Tolleranza zero għall-vjolenza u l-oppressjoni tal-mara” – Il-President

Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca qalet li għandu jkun hemm tolleranza zero għall-vjolenza u l-oppressjoni tal-mara.
Coleiro Preca qalet dan waqt konferenza għolja tal-UNESCO, bit-tema: “UNESCO's Soft Power Today: Fostering Women's Empowerment and Leadership.”
Fid-diskors tagħha, il-President saħqet li n-nisa u l-bniet ma jistgħu qatt jiksbu l-ugwaljanza jekk l-oppressjoni patrijarkali ma tkunx mirbuħa.
Żiedet tgħid li ma jistax ikun li l-kultura “macho” tibqa’ tiġi “ċċelebrata” mingħajr l-ebda kritika u li l-imġieba ta’ ċertu rġiel tibqa’ tiġi ġġustifikata bi frażijiet bħal “subien, subien jibqgħu.”
Il-President saħqet li s-soċjetà ma tistax tibqa’ tħares b’mod magħluq lejn id-differenza fil-ġeneru speċjalment fejn jidħlu l-irwolijiet li n-nisa u l-irġiel iwettqu fis-soċjetà.
Matul id-diskors, Coleiro Preca tkellmet fuq id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa bħala waħda mill-eżempji ewlenin ta’ nuqqas ta’ ugwaljenza bejn is-sessi.
Fl-aħħar diskorsi tagħha fuq l-irwol tal-mara fis-soċjetà, il-President kkwotat rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji li spjega kif jista’ jkun hemm bżonn madwar 170 sena biex tinqered id-differenza fil-paga u l-opportunitajiet tax-xogħol li qed jaffaċjaw in-nisa. 
Dan l-istess rapport wera kif filwaqt li teżisti ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni, id-differenza għadha qawwija mmens fl-oqsma ekonomiċi u politiċi.
Dak li sab ir-rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji, kien ikkonfermat minn stħarriġ ieħor tal-Ġnus Maqgħuda li s-sena li għaddiet sab kif fi 38 pajjiż, 90% tas-siġġijiet parlamentari huma meħuda minn Deputati rġiel.
“Apparti minn hekk, nisa li jinsabu f’dawn il-pożizzjonijiet, huma mistennija, u xi drabi anke sfurzati, biex joqgħodu għal normi patrijarkali jekk iridu jagħmlu suċċess,” kompliet tgħid il-President.
Temmet bili ħeġġet lill-midja biex ma żżidx u ma xxerridx ideat patrijarjali u sterjotipi li jistgħu jagħmlu ħsara u ħeġġet ukoll lill-UNESCO biex tħeġġeġ aktar irġiel isemmgħu leħinhom u jkunu attivi fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza bejn is-sessi.