Tokyo 2020: Il-qafas tas-sodod magħmul minn kartun irriċiklat

Il-qafas tas-sodod għall-atleti li se jkunu qed jikkompetu fl-Olimpjadi ta’ din is-sena ġewwa Tokyo u l-atleti li se jikkompetu fil-Logħob Paralimpiku, se jkunu magħmula minn kartun irriċiklat. Is-saqqijiet se jkunu magħmulin mill-polyethylene li wara li jispiċċaw il-kompetizzjonijiet se jkunu qed jintużaw biex isiru prodotti oħra magħmula mill-plastik.

B’kollox se jkun hemm 18,000 sodda għall-Olimpjadi u 8,000 oħra għall-Paralimpiċi.

Il-midalji għal-logħob ta’ din is-sena huma magħmula minn materjal irriċiklat.

Skont rapporti maħruġa fuq il-midja Ingliża, is-sodod se jkunu 2.10m twal u se jkunu jifilħu piż ta’ madwar 200kg. Il-piż massimu jaqbeż sew il-piż tal-atleti li kienu kkompetew fl-olimpjadi li saru fl-2016 ġewwa Rio.

L-Olimpjadi f’Tokyo se jkunu qed isiru bejn l-24 ta’ Lulju u d-9 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. Il-Logħob Paralimpiku se jkun bejn il-25 ta’ Awwissu u s-6 ta’ Settembru.