Toħroġ l-ewwel sejħa għal tender għal Paola Hub

Il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li fl-aħħar jiem ħarġet l-ewwel sejħa għal tender b’rabta mal-Paola Hub u dan rigward il-Project Management and Technical Supervisory Services. L-għan ewlieni ta’ dan it-tender huwa li l-kumpanija magħżula tkun tista’ tissorvelja d-disinn, il-kostruzzjoni, il-finishing, u tagħti l-handover taċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Il-Ministeru spjega li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, li hija l-entità responsabbli minn dan il-proġett, se tkun wkoll qed torganizza laqgħat għal aktar informazzjoni dwar dan it-tender ma’ dawk kollha interessati, kif ukoll żjarat fuq is-sit tal-Paola Hub.
Il-Paola Hub huwa proġett mibni fuq 20,000 metru kwadru u għalih ġew approvati €33 miljun f’fondi Ewropej, filwaqt li l-proġett kollu mistenni jkun jiswa €39 miljun.