Toħroġ il-kanzunetta Maltija tal-Junior Eurovision 2014

Fl-iskola sekondarja ta' Ħal Kirkop fil-kulleġġ San Benedittu għadha kemm ġiet imnedija l-kanzunetta Diamonds li biha Malta din is-sena se tieħu sehem fil-Junior Eurovision Song Contest.
L-attivita saret f'din l-iskola peress li hija l-iskola li tattendi fiha l-kantanta Federica Falzon li din is-sena se tieħu sehem f' dan il-Festival f'isem Malta.
Apparti dan, l-iskola hija waħda mis-sittax-il skola magħżula biex jospitaw il-parteċipanti matul il-ġimgħa li se jagħmlu hawn Malta.
Il-messaġġ ewlieni tal-kanzunetta huwa li kulħadd jista' jagħmel il-ħolm tiegħu realta'.
L-istudenti li jattendu l-iskola raw għall-ewwel darba l-video tal-kanzunetta. Fih wieħed jara lil Federica tipprova tilħaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħha.  Il-video juri lil Federica f'żewġ sitwazzjonijiet.  F'mumenti Federica tidher f'kamra bi sfond abjad li tirrifletti l-mumenti fejn wieħed jaspira għall-ħolm fil-ħajja. It-tieni fażi turi lil Federica fuq bajja fejn taħdem u tilħaq il-ħolm tagħha.
F'messaġġ ta' merħba il-Ministru Manuel Mallia laqa' lill-istudenti miġbura u awguralhom li huma ukoll jimxu mal-messaġġ tal-kanzunetta biex ikollhom aspirazzjonijiet u ħolm li jwettquh. Awgura lil Federica Falzon għal din l-esperjenza u feraħ lil Gaia Cauchi li bis-saħħa tagħha Malta kisbet ir-rebħa s-sena l-oħra.
Il-Festival se jsir f'Malta nhar il-ħmistax ta' Novembru li ġej.  B'hekk issa ħarġu l-kanzunetti kollha li se jieħdu sehem fit-tnax-il edizzjoni ta' dan il-Festival.
Ritratt u Filmat: PBS