Toħroġ id-data tas-smigħ fil-Qorti tal-moħħ wara l-attakk tat-Twin Towers

Ir-raġel li qed jiġi msejjaħ “il-perit” tal-attakk fuq it-Twin Towers mal-20 sena ilu se jkun qed jitressaq il-Qorti fl-Istati Uniti ma’ erba’ rġiel oħrajn.

Siti internazzjonali qed jirrappurtaw li fix-xhur li ġejjin se jibda s-smigħ preliminari qabel ma’ Khalid Sheikh Mohammad u l-irġiel l-oħrajn se jitressqu quddiem il-Qorti Militari fi Guantánamo Bay mill-11 ta’ Jannar tal-2021 ‘il quddiem. L-irġiel qed jiġu akkużati b’terroriżmu u l-qtil ta’ kważi 3,000 persuna. Dan qed isir kważi 20 sena wara li seħħew l-attakki fuq New York, Washington u Pennsylvania. Jekk jinstabu ħatja se jingħataw il-piena tal-mewt.

Mohammad inqabad fil-Pakistan lura fl-2003 u ġie trasferit fil-bażi Amerikana ta’ Guantánamo li tinsab f’Kuba, fejn aktar tard hu tressaq il-Qorti bl-akkużi. Minkejja kollox, is-smigħ ma kienx kompla minħabba dewmien.

Fl-2008 hu kellu jitressaq quddiem it-tribunal militari fejn kien se jwieġeb ħati iżda dan ma sarx. Fl-2009, l-amministrazzjoni tal-eks-President tal-Istati Uniti Barack Obama ppruvat tmexxi s-smigħ fi New York, iżda fl-2011 il-Kungress iddeċieda kontra din il-proposta.

Eventwalment, f’Ġunju tal-2011, ħamest irġiel ġew akkużati b’offiżi simili għal dawk li kienu ħarġu mill-amministrazzjoni ta’ George W Bush.

S’issa intqal li Mohammed kien ammetta r-responsabbiltà tal-pjan kollu wara l-attakki tan-9/11. Il-prosekuturi Amerikani qed jgħidu li r-raġel kien ivolut f’ħafna aktar attivitajiet terroristiċi. Dawn jinkludu bbumbardjar ta’ klabb f’Bali fl-Indoneżja fl-2002, il-bumbardament tal-World Trade Centre fl-1993, il-qtil tal-ġurnalist Amerikan Daniel Pearl u l-attentat ta’ splużjoni fuq ajruplan li falliet lura fl-2001.