Toħroġ app bil-għan li tifdi r-reputazzjoni tal-industrija tal-bini

Read in English.

App ġdida ffukata fuq is-saħħa u s-sigurtà fix-xogħol qed timmira li tifdi r-reputazzjoni tal-industrija tal-bini billi tgħinha ssaħħaħ il-prattiċi tagħha.

HSEQutive ġiet żviluppata minn Parnis & Associates, u ġiet imnedija f’attività mtella’ mill-Kamra tal-Kummerċ.

“Għalkemm l-industrija għamlet passi kbar ’il quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mat-tħaddin, twettiq u infurzar tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fis-siti ta’ kostruzzjoni, għadna qed inħabbtu wiċċna ma’ nuqqasijiet komuni u ripetuti, li jekk jitħallew għaddejjin bla ma jinqabdu jaf iwasslu għal korrimenti serji, u saħansitra fatalitajiet,” spjega il-fundatur ta’ Parnis & Associates Patrick Parnis.

L-app, li hi bbażata fuq il-cloud, tħaffef il-proċess ta’ spezzjonar tas-saħħa u s-sigurtà, telimina ħin meħtieġ għall-kitba tar-rapporti wara l-ispezzjoni, u tassigura li mekkaniżmi robusti ta’ monitoraġġ u kejl huma fis-seħħ biex jevalwaw il-prestazzjoni ġenerali tas-sigurtà f’sit ta’ kostruzzjoni.

Parnis wera t-tama tiegħu li l-app tgħin l-industrija tirbaħ lura l-fiduċja tal-pubbliku.

“Minn perspettiva nazzjonali, nemmen li din il-pjattaforma bbażata fuq il-cloud hija mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-sigurtà fuq is-siti u sistema għall-evalwazzjoni tal-kuntratturi, li hi meħtieġa b’mod urġenti u li messha ilha li ġiet introdotta,” żied jgħid Parnis.

Il-president tal-kamra David Xuereb stqarr li l-industrija kellha bżonn doża qawwija ta’ regolamentazzjoni kif ukoll titjib fir-reputazzjoni tagħha.

“Huwa entużjażmanti u inkoraġġanti li wieħed jara li l-operaturi ewlenin tal-industrija, bħal Parnis & Associates, qed iġibu snin ta’ esperjenza, għarfien, intelliġenza u teknoloġija lejn Malta fi sforz biex jassistu, b’mod effiċjenti u affidabbli, lil żviluppaturi, kuntratturi u professjonisti serji sabiex dawn itejbu l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom fuq is-siti ta’ kostruzzjoni,” qal Xuereb.