‘Toħonqux lit-tfal b’opinjoni politika differenti’

Miguela Xuereb

L-għaqda Child and Adolescent Mental Health Malta appellat lill-ġenituri, carers u għalliema sabiex iħallu lit-tfal u ż-żgħażagħ jitkellmu dwar l-osservazzjonijiet, l-opinjonijiet, waqt li jħossuhom liberi li jistaqsu l-mistoqsijiet mingħajr ma jkun hemm stmerrija.

Il-fergħa lokali tal-assoċjazzjoni li tissielet għas-saħħa mentali tat-tfal appellat għas-sensittività lejn tfal u żgħażagħ fis-sitwazzjoni kurrenti ta’ bosta problemi soċjali. Irrimarkat li huwa importanti li ċ-ċittadini żgħar ma jintesewx u jingħataw gwida adulta matura sabiex ikunu jistgħu jifhmu l-kollass tal-istabbilità tal-pajjiż.

L-assoċjazzjoni qalet li ħafna drabi, it-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom opinjonijiet u attitudnijiet differenti li jistgħu jgerfxuhom aktar milli jgħinuhom u b’hekk iġiegħluhom iħossu sens ta’ instabbilità. Qalet li minbarra minn hekk, dawn qed jesperjenzaw żieda fil-vjolenza bħal użu ta’ lingwaġġ vulgari u ta’ mibgħeda online. Insistiet li għandhom jintwerew li dan il-lingwaġġ ma ġiex permessibbli fis-soċjetà minħabba s-sitwazzjoni inċerta.

Kompliet billi spjegat li bosta tfal u żgħażagħ li għandhom tendenza li jispiċċaw anzjużi, għandhom jiġu assigurati li s-sitwazzjoni kurrenti hija temporanja. Adoloxxenti akbar jaf jesprimu opinjonijiet li jkunu simili jew differenti minn dawk tal-familji tagħhom. Is-suġġeriment li tagħti l-assoċjazzjoni huwa li l-opinjoni tagħhom ma tiġix kritikata jew inkella rrifjutata kompletament minħabba dan.

Irrimarkat li l-assoċjazzjoni hemm li l-adulti jkunu aktaw kawti u juru maturità fil-klima kurrenti. Jekk wieħed jieħu din is-sitwazzjoni bħala opportunità, dawn iż-żgħażagħ jistgħu jitgħallmu kif jindirizzaw sitwazzjonijiet diffiċli u li jibdew konverżazzjonijiet interessanti dwar il-valuri u t-twemmin ta’ persuna.

“Kriżi politika kbira għall-pajjiż” – KTP

Il-Kamra tal-Periti esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li Malta tinsab f’nofs kriżi politika kbira. Hi osservat li ħafna minn dawk li huma allegatament implikati, anke jekk biss b’assoċjazzjoni, kienu l-istess persuni li wiegħdu li se jservu lir-Repubblika ta’ Malta u jsegwu l-Kostituzzjoni.

Il-Kamra sostniet li hi tkellmet b’mod konsistenti dwar il-bżonn li ssir riforma. Insistiet li ż-żmien ta’ “maskri diżonesti spiċċa”. Qalet li issa wasal iż-żmien li dawk fil-poter jirrikonoxxu s-sitwazzjoni li l-pajjiż jinsab fiha u b’mod urġenti tieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu.

“L-objettiv ewlieni jrid ikun li jissolva l-assassinju” – MIA

Il-Malta Institute of Accountants sostna li ċ-ċirkustanzi kurrenti tal-pajjiż huma tant straordinarji u gravi li għandhom bżonn azzjoni immedjata sabiex tiġi restawrata s-serenità u l-kunfidenza fil-pajjiż.

L-istitut kompla jgħid li konklużjonijiet sudisfaċenti tal-ivestigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jrid ikun l-objettiv ewlieni fil-pajjiż sabiex issir ġustizzja. Il-kunflitti ta’ interess ma jridx iħalli impatt fuq il-proċess u l-eżekuzzjoni tal-investigazzjonijiet.

“Solidarjetà mal-membri tal-media” – Aditus

Il-Fondazzjoni Aditus, li tissielet għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, esprimiet is-solidarjetà tagħha mal-membri tal-media li ġew imsakkra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru minn irġiel mhux identifikati. Intant ikkundannat l-attakki verbali u fiżiċi fuq il-ġurnalisti mill-ħaddiema tal-Gvern. Fosthom dawk ta’ Newsbook.com.mt.

Il-Fondazzjoni rrimarkat li huwa att ta’ provokazzjoni diretta li l-ispazzju għall-protesti fi Pjazza Ħelsien sejjem qed jonqos. Ikkundannat ukoll kummenti tal-Gvern li r-raġuni aħħarija ta’ dawn il-protesti huwa li jweġġgħu persuni pubbliċi.

L-Aditus irrimarkat li l-klima Maltija tinsab f’riskju li tersaq lejn xenarju li jikser numru ta’ aspetti fundamentali tal-ħelsien. Qalet li fl-aħħar jiem, l-aġir tal-Gvern beda jiekol mid-drittijiet tal-ħelsien tal-bniedem li huma bżonnjużi f’soċjetà primarjament demokratika.

“It-tensjoni tinħass fuq kull livell tas-soċjetà” – Il-Kamra tan-Negozju Għawdxija

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex qalet li t-tensjoni qed tinħass fuq kull livell tas-soċjetà. Fi stqarrija dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż qalet li temmen li l-istabbilità politika u soċjali huma elementi essenzjali, u l-pedamenti li fuqhom inbnew is-suċċessi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż tul iż-żmien.

Il-Kamra saħqet li l-akbar trasparenzaj għandha tkun imħaddma fuq kull livell biex il-kriżi li preżentament qed jaffaċċja l-pajjiż tiġi megħluba mill-aktar fis possibbli.

“Azzjoni immedjata biex tiġi indirizzata l-kriżi” – FELTOM

Il-Federazzjoni FELTOM (Federation of English Language Teaching Organisations) tinsab imħassba ħafna dwar is-sitwazzjoni nazzjonali li qed tiddeterjora minn ħin għal ħin, u titlob azzjoni immedjata u soda biex tiġi indirizzata din il-kriżi.

Ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż sikur minn dejjem kienet punt tassew vantaġġjuż fin-negozjati tagħna biex nippromowvu lil pajjiżna bħala destinazzjoni mill-aqwa għall-barranin li jkunu jixtiequ jitgħallmu l-Ingliż.

Dan is-settur huwa dipendenti fuq ir-reputazzjoni tajba tal-pajjiż, u fuq is-saħħa ta’ entitajiet pubbliċi li jagħmlu xogħolhom kif suppost sabiex ikun sostnut is-suċċess tiegħu. Aħna tassew ikkonċernati li r-riperkussjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet mingħajr preċedenti li seħħew tul dawn l-aħħar ġimgħatejn ser ikollhom effett negattiv fuq is-settur kif ukoll fuq l-industrija inġenerali. Din l-instabbilità u l-insikurezza qed ikomplu jagħmlu ħsara lis-settur u lill-pajjiżna.

Din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza hija ta’ dannu wkoll għar-relazzjonijiet tagħna ma’ msieħba internazzjonali, u aktar ma din titħalla għaddejja, aktar se jkun diffiċli għas-settur biex jerġa’ jikseb il-fiduċja f’Malta. 

Din l-inċertezza istituzzjonali ma tixraqx lil Malta, u l-Maltin ma ħaqqhomx li dan il-perjodu ta’ instabbilità jibqa’ jiġġebbed. FELTOM titlob stabbilità u azzjoni ta’ rimedju immedjata. 

Is-settur, il-partijiet interessati kif ukoll iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin qed jistennew li dan il-kapitlu jingħalaq malajr kemm jista’ jkun, billi ssir il-ġustizzja meħtieġa. Aħna nitolbu lil kull min hu responsabbli biex iwarrab l-ambizzjonijiet personali u politiċi tiegħu, u jaġixxi b’urġenza fl-interess tal-pajjiż u tal-futur tagħna.